Il-Poezija Elettorali

Minn Osservatur Politiku
“You campaign in poetry, and you govern in prose.” Din il-frażi magħrufa fil-politika internazzjonali tiġbor fiha realtàa’ sempliċi iżda profonda ħafna dwar il-mod kif taħdem il-politika demokratika. Fil-kampanji elettorali, il-politika ħafna drabi tkun mibnija fuq emozzjoni, aspirazzjoni u tama. Imma meta tintemm il-kampanja u jibda l-gvern, il-poeżija trid tinbidel fi proża — fil-prattiċita’, fid-deċiżjonijiet diffiċli u fir-responsabbilta’ tat-tmexxija.
U proprju għalhekk, il-mexxejja politiċi għandhom joqogħdu attenti ħafna għall-kliem li jużaw qabel elezzjoni. Għax il-kliem tal-kampanja ma jibqax sempliċi retorika elettorali. Jinbidel f’wegħda. Jinbidel f’aspettattiva. Jinbidel f’kejl li bih il-poplu jibda jiġġudika lill-gvern wara li jgħaddu l-elezzjonijiet.
Kull kampanja elettorali għandha element teatrali fiha. Huwa inevitabbli. Il-politika demokratika teħtieġ komunikazzjoni qawwija, viżjoni ċara u l-ħila li tispira lin-nies. Il-votanti ma jivvutawx biss fuq spreadsheets jew kalkoli ekonomiċi; jivvutaw ukoll fuq sentimenti, fiduċja u tama għall-futur.
Huwa għalhekk li fil-kampanji naraw slogans, wegħdi, viżjonijiet u messaġġi li ħafna drabi jkunu mimlija enerġija u ottimiżmu. Il-politika fil-kampanja ssir kważi forma ta’ poeżija pubblika — lingwa li tipprova tqajjem emozzjoni u twassal sens ta’ direzzjoni.
Iżda hemm periklu wkoll f’dan kollu.
Meta l-poeżija tal-kampanja tibda tinfired wisq mir-realta’ tal-gvern, jinħoloq distakk perikoluż bejn l-aspettattivi u l-fatti. U meta jiġri hekk, il-konsegwenza ħafna drabi tkun diżillużjoni pubblika.
Dan huwa wieħed mill-akbar riskji tal-politika moderna.
Fl-aħħar snin, rajna kif il-kampanji elettorali f’ħafna pajjiżi saru dejjem aktar mibnija fuq wegħdi kbar, messaġġi simplistiċi u narrattivi emozzjonali qawwija. Xi drabi jidher li l-politika qed issir kompetizzjoni dwar min jista’ jwiegħed aktar jew joħloq l-akbar sens ta’ tama immedjata.
Imma l-gvern ma jitmexxiex bil-poeżija.
Il-gvern jitmexxa bil-baġits, bil-prijoritajiet, bil-limitazzjonijiet finanzjarji u bid-deċiżjonijiet diffiċli. Il-gvern jitlob bilanċ. Jitlob għaqal. Jitlob il-kapaċita’ li wieħed jara fit-tul u mhux biss sal-ġurnata tal-elezzjoni.
Dan huwa partikolarment importanti fil-qasam ekonomiku.
Huwa faċli ħafna waqt kampanja li wieħed iwiegħed aktar sussidji, aktar bonuses, aktar tnaqqis fit-taxxa jew aktar investiment pubbliku. Iżda wara l-elezzjoni, il-gvern ikun obbligat jiffaċċja realta’ ħafna aktar kumplessa: kif se jiffinanzja dawn il-miżuri? X’impatt se jkollhom fuq id-defiċit u d-dejn? Huma sostenibbli fit-tul?
Il-poplu għandu kull dritt jistenna li l-wegħdi tal-kampanja jkunu kredibbli u realistici.
Għax kliem il-politiku qabel elezzjoni mhux biss strument biex jirbaħ il-voti. Huwa wkoll forma ta’ kuntratt morali mal-elettorat.
Meta mexxej politiku jwiegħed ċertu direzzjoni jew ċerti miżuri, ikun qed joħloq aspettattiva pubblika li aktar tard se jkun iġġudikat fuqha.
Dan ma jfissirx li l-politika għandha tkun niexfa jew mingħajr viżjoni. Bil-kontra. Pajjiż għandu bżonn mexxejja li kapaċi jispiraw u jagħtu sens ta’ direzzjoni. Il-problema tibda meta l-poeżija ssir sostitut għar-realta’.
Meta l-kampanja ssir biss dwar il-ħolqien ta’ aspettattivi li ma jistgħux jintlaħqu, il-politika titlef il-kredibilita’ tagħha.
U meta l-poplu jibda jħoss li l-wegħdi kienu sempliċement retorika elettorali, jikber iċ-ċiniżmu lejn il-politika nnifisha.
Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex illum qed naraw aktar apatija politika f’ħafna pajjiżi demokratiċi. Ħafna nies qed iħossu li hemm differenza kbira wisq bejn dak li jingħad fil-kampanja u dak li jiġri fil-gvern.
Il-problema mhijiex biss il-politika nnifisha, iżda l-fiduċja.
Demokrazija b’saħħitha teħtieġ ċittadini li jemmnu li l-kelma tal-politiku għandha valur. Teħtieġ mexxejja li jifhmu li kull wegħda magħmula qabel elezzjoni ġġorr magħha responsabbilta’ kbira wara.
Fil-kuntest Malti, dan kollu huwa aktar importanti minn qatt qabel.
Il-kampanja elettorali li għaddejja bħalissa rat għadd kbir ta’ proposti ekonomiċi, fiskali u soċjali miż-żewġ partiti prinċipali. Rajna wegħdi dwar taxxa, bonuses, housing, investiment, sussidji u għajnuniet differenti.
Naturalment, il-partiti qed jippruvaw juru li għandhom il-kapaċita’ li jtejbu l-ħajja tan-nies. U huwa normali li kampanja tkun mimlija ideat u proposti.
Iżda l-mistoqsija importanti tibqa’: kemm huma sostenibbli dawn il-wegħdi? Kemm huma marbuta ma’ viżjoni realistika tal-pajjiż? U kemm huma mibnija fuq pjan fit-tul aktar milli fuq kalkolu elettorali immedjat?
Il-politika serja teħtieġ bilanċ bejn aspirazzjoni u responsabbilta’.
Poplu għandu bżonn tama, iżda għandu bżonn ukoll onesta’. Għandu bżonn mexxejja li mhux biss jgħidu dak li n-nies iridu jisimgħu, iżda wkoll dak li għandhom bżonn jisimgħu.
Xi drabi, l-aktar tmexxija responsabbli mhijiex dik li twiegħed l-aktar, iżda dik li tkun lesta tgħid il-verita’ dwar id-diffikultajiet u l-limitazzjonijiet.
Dan huwa partikolarment relevanti fi żmien ta’ inċertezza ekonomika internazzjonali. Illum il-pajjiżi qed jiffaċċjaw sfidi relatati mal-inflazzjoni, il-prezzijiet tal-enerġija, il-kompetittivita’ u l-istabbilta’ fiskali. F’dan il-kuntest, il-politika ekonomika ma tistax tkun ibbażata biss fuq emozzjoni jew popolarita’ immedjata.
Teħtieġ prudenza. Teħtieġ għaqal fiskali. Teħtieġ il-kuraġġ li wieħed jaħseb fit-tul. Dan ma jfissirx li l-politika għandha titlef l-element uman tagħha. Bil-kontra. L-aqwa mexxejja huma dawk li kapaċi jgħaqqdu viżjoni ma’ serjeta’, tama ma’ responsabbilta’ u aspirazzjoni ma’ kredibilita’.
Il-problema tibda meta l-poeżija tal-kampanja ssir tant sabiħa li tibda tinsa r-realta’ tal-gvern. Għax wara li jintfew id-dwal tal-mass meetings u jispiċċaw l-islogans, jibda x-xogħol veru tat-tmexxija. U hemmhekk il-poeżija ma tibqax biżżejjed.
Hemmhekk jidħol il-mument tal-proża — il-mument fejn il-gvern irid jieħu deċiżjonijiet konkreti dwar infiq pubbliku, prijoritajiet ekonomiċi, taxxa, infrastruttura u l-futur tal-pajjiż.
Għax il-poplu ma jiftakarx biss dak li jkun intqal fil-kampanja. Jiftakar ukoll jekk il-kliem kienx jixbah ir-realta’ li ġiet wara.
U għalhekk il-mexxejja politiċi għandhom jagħżlu l-poeżija tagħhom b’attenzjoni kbira. Għax il-kliem li jużaw qabel elezzjoni jista’ jirbaħilhom il-voti. Imma hum-a l-istess kliem li aktar tard il-poplu juża biex jiġġudikahom.
