Iż-Żieda fil-Qgħad ta’ 22% fix-Xahar ta’ April li Għadda

Minn Osservatur Politiku
L-aħħar statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-qgħad qed tqajjem mistoqsijiet importanti dwar id-direzzjoni tal-ekonomija Maltija u x’jista’ jkun qed jinbidel fis-suq tax-xogħol tagħna.
Skont iċ-ċifri pubblikati, in-numru ta’ persuni qiegħda f’April tela’ għal 12,400 persuna — żieda ta’ 22.1 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. Dan ifisser li fi żmien sena żdiedu aktar minn 2,200 persuna mal-lista tal-qgħad.
Fl-istess ħin, ir-rata nazzjonali tal-qgħad telgħet għal 3.6 fil-mija, żieda ta’ 0.6 punti perċentwali fuq April 2025.
Fuq livell Ewropew, Malta għadha tinsab fost il-pajjiżi bl-inqas rata ta’ qgħad. Dan huwa fatt importanti li ma jistax jiġi injorat. Iżda fl-istess ħin, iż-żieda qawwija fuq bażi annwali hija sinjal li jistħoqqlu attenzjoni serja.
Għax il-mistoqsija mhijiex biss kemm hi baxxa jew għolja r-rata tal-qgħad illum, iżda x’qed jgħidulna dawn iċ-ċifri dwar il-momentum ekonomiku tal-pajjiż u dwar il-futur qarib.
L-ewwel osservazzjoni importanti hija li qed naraw bidla ċara fit-trend. Għal diversi snin Malta kienet mdorrija b’suq tax-xogħol estremament b’saħħtu, b’livelli baxxi ħafna ta’ qgħad u domanda qawwija għall-ħaddiema.
Fil-fatt, għal żmien twil wieħed mill-akbar problemi għall-ekonomija ma kienx in-nuqqas ta’ xogħol, iżda n-nuqqas ta’ ħaddiema. Ħafna setturi kienu qed isibu diffikulta’ biex jimlew il-postijiet vakanti tagħhom.
Iżda issa jidher li ċerti sinjali qed jinbidlu.
Żieda ta’ aktar minn 22 fil-mija fil-qgħad f’sena waħda ma tistax tiġi injorata bħala sempliċi varjazzjoni temporanja. Għalkemm ir-rata assoluta għadha relattivament baxxa, il-veloċita’ taż-żieda hija dak li għandu jattira l-attenzjoni tal-politiċi, tal-ekonomisti u tan-negozji.
Partikolarment interessanti huwa l-fatt li l-akbar numru ta’ persuni qiegħda jinsab fil-grupp ta’ eta’ bejn il-25 u l-74 sena. Dan ifisser li mhux qed nitkellmu biss dwar żgħażagħ li għadhom jidħlu fis-suq tax-xogħol, iżda wkoll dwar adulti li potenzjalment tilfu l-impjieg tagħhom jew qed isibuha aktar diffiċli biex isibu xogħol ġdid.
Dan jista’ jkun riflessjoni ta’ diversi fatturi.
L-ewwel nett, l-ekonomija internazzjonali għadha qed tiffaċċja ċertu livell ta’ inċertezza. Ir-rati tal-imgħax għadhom relattivament għoljin, il-konsum qed jiddgħajjef f’ċerti swieq Ewropej u ħafna negozji qed isiru aktar kawti fl-investiment tagħhom. Malta, bħala ekonomija żgħira u miftuħa ħafna, inevitabbilment tħoss dawn il-bidliet.
Barra minn hekk, ċerti setturi li kienu qed imexxu t-tkabbir ekonomiku f’dawn l-aħħar snin jistgħu jkunu qed jidħlu f’fażi aktar moderata. Dan jista’ jkun partikolarment rilevanti f’oqsma bħall-kostruzzjoni, ċerti servizzi u negozji marbuta direttament mal-konsum domestiku.
Meta l-ispejjeż tan-negozji jibdew jiżdiedu u l-marġni ta’ profitt jonqsu, ħafna kumpaniji jsiru aktar prudenti fir-reklutaġġ jew saħansitra jibdew inaqqsu l-operat tagħhom.
Hemm ukoll il-fattur tal-għoli tal-ħajja. Għalkemm ħafna drabi nitkellmu dwar kif il-familji qed jintlaqtu mill-inflazzjoni, il-verita’ hi li n-negozji wkoll qed iħossu pressjoni qawwija fuq l-ispejjeż tagħhom. Żieda fil-pagi, fil-kera kummerċjali, fl-enerġija u f’diversi spejjeż oħra qed tagħmel ċerti operazzjonijiet aktar diffiċli biex jinżammu sostenibbli. Dan kollu jista’ jwassal għal tkabbir aktar kajman fis-suq tax-xogħol.
Interessanti wkoll il-fatt li ż-żieda fil-qgħad qed tolqot kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa, għalkemm ir-rata fost in-nisa żdiedet kemmxejn aktar fuq bażi mensili.
Madankollu, wieħed mill-aktar aspetti li għandhom jinkwetaw huwa l-livell ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena.
Aktar minn 2,700 żagħżugħ jew żagħżugħa jinsabu qiegħda. Għalkemm qgħad fost iż-żgħażagħ huwa realta’ komuni f’ħafna pajjiżi, Malta għal ħafna snin kellha livelli relattivament baxxi grazzi għas-suq tax-xogħol b’saħħtu tagħha.
Jekk qed nibdew naraw żieda f’dan il-qasam ukoll, dan jista’ jkun sinjal li ż-żgħażagħ qed isibuha aktar diffiċli biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew biex isibu impjieg stabbli u ta’ kwalita’.
Dan għandu implikazzjonijiet importanti għall-futur ekonomiku u soċjali tal-pajjiż. Żgħażagħ li jibdew il-karriera tagħhom f’ambjent ekonomiku aktar inċert ħafna drabi jesperjenzaw aktar diffikultajiet biex jibnu stabbilta’ finanzjarja, jixtru proprjeta’ jew jippjanaw il-futur tagħhom.
Naturalment, wieħed għandu joqgħod attent ukoll biex ma jiġix konkluż wisq minn xahar wieħed ta’ statistika. L-ekonomija hija dinamika u ċ-ċifri jistgħu jinbidlu fix-xhur li ġejjin. Madankollu, meta tara żieda annwali daqshekk sostanzjali, huwa ġust li wieħed jibda jistaqsi jekk dan hux sempliċi aġġustament temporanju jew il-bidu ta’ trend ġdid.
Hawnhekk jidħol ukoll il-fattur tal-mudell ekonomiku ta’ Malta. Għal ħafna snin, it-tkabbir ekonomiku kien mibni fuq espansjoni rapida, tkabbir fil-popolazzjoni u domanda qawwija għal xogħol. Dak il-mudell wassal għal livelli rekord ta’ impjiegi u tkabbir ekonomiku qawwi.
Iżda llum qed naraw aktar mistoqsijiet dwar kemm dak il-mudell huwa sostenibbli fit-tul.
Jekk l-ekonomija tibda tmajna filwaqt li l-popolazzjoni tibqa’ tikber b’rata mgħaġġla, il-pressjoni fuq is-suq tax-xogħol inevitabbilment tiżdied.
Dan jagħmel aktar importanti minn qatt qabel il-ħtieġa li Malta tibda tiffoka aktar fuq produttivita’, innovazzjoni u tkabbir ta’ kwalita’ aktar milli sempliċement tkabbir fil-volum.
Il-pajjiż għandu bżonn ekonomija li toħloq impjiegi aktar stabbli, aktar produttivi u aktar sostenibbli fit-tul.
Dan ma jfissirx li għandna nidħlu f’allarmiżmu. Malta għad għandha ekonomija relattivament reżiljenti meta mqabbla ma’ ħafna pajjiżi Ewropej oħra. Iżda lanqas ma nistgħu ninjoraw sinjali li jistgħu jkunu qed juru bidla fil-klima ekonomika.
Forsi l-akbar żball ikun jekk dawn iċ-ċifri jiġu minimizzati jew trattati bħala irrilevanti sempliċement għax ir-rata tal-qgħad għadha baxxa f’termini Ewropej.
L-ekonomiji ma jinbidlux mil-lum għal għada. Ħafna drabi l-ewwel sinjali ta’ bidla jibdew jidhru gradwalment.
Għalhekk, dawn iċ-ċifri għandhom jintużaw bħala opportunita’ biex issir riflessjoni aktar serja dwar id-direzzjoni ekonomika tal-pajjiż. Dwar x’tip ta’ tkabbir irridu. Dwar kemm l-ekonomija tagħna hija preparata għal sfidi internazzjonali ġodda. U dwar kif nistgħu nibnu suq tax-xogħol aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli għas-snin li ġejjin.
Għax l-aktar statistika importanti mhijiex biss kemm għandna nies jaħdmu llum, iżda kemm il-pajjiż huwa kapaċi joħloq futur ekonomiku stabbli u sigur għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
