Il-ħabs: minn istituzzjoni korrettiva għal vetrina?

F’dawn l-aħħar xhur kompliet tikber il-frustrazzjoni fost l-uffiċjali korrettivi dwar il-mod kif qed titmexxa l-amministrazzjoni tal-ħabs. Minflok istituzzjoni serja, dixxiplinata u ffukata fuq is-sigurtà u r-riabilitazzjoni, jidher li l-faċilità qed tinbidel dejjem aktar f’vetrina – kważi mużew – b’żjarat kontinwi, filming u tours organizzati għal studenti u mistednin oħra.

Dawn iż-żjarat ma jsirux b’mod każwali. Jidher li jsiru f’partijiet magħżula tal-ħabs, b’mod li ċerti realtajiet ma jidhrux. Dan waħdu jqajjem mistoqsija serja: il-prijorità hija t-tmexxija serja tal-istituzzjoni jew il-ħolqien ta’ immaġni sabiħa għal min jiġi jżur?

Iżda l-problema mhijiex biss li dawn iż-żjarat qed isiru. Il-problema hija kemm qed isiru ta’ spiss u l-effett dirett li qed iħallu fuq il-ħidma ta’ kuljum tal-istaff. Ġieli jiġri li waqt il-break tal-uffiċjali jidħlu gruppi jduru l-faċilità. F’ċerti każijiet, uffiċjali saħansitra jitneħħew minn klassijiet ta’ taħriġ biex dawn il-gruppi jkunu jistgħu jidħlu, jitkellmu magħhom jew jiġu esposti għalihom waqt it-tours.

Dan ifisser li taħriġ essenzjali, li għandu jsir f’ambjent kontrollat u professjonali, qed jiġi interrott u mifrud. Saħansitra hemm każijiet fejn it-taħriġ ikompli fil-kurituri, mingħajr il-kundizzjonijiet xierqa. Din hi sitwazzjoni assurda. U hawn tidħol il-mistoqsija li ħafna qed jagħmlu: l-uffiċjal korrettiv sar ħaddiem tat-tieni klassi?

L-aktar ħaġa inkwetanti hija li dan kollu jolqot direttament il-qalba tal-istituzzjoni. It-taħriġ tal-uffiċjali mhuwiex xi formalità. Huwa wieħed mill-pilastri ewlenin biex jinżamm livell għoli ta’ professjonalità, kontroll u sigurtà. Meta dan jiġi sagrifikat biex jagħmel spazju għal tours u wirjiet, ikun qed jintbagħat messaġġ ċar: il-prijoritajiet inqalbu ta’ taħt fuq.

Ma nistgħux ninsew lanqas lill-priġunieri. Il-privatezza u d-dinjità tagħhom huma kwistjonijiet serji u sensittivi. Il-fatt li persuni miżmuma f’faċilità korrettiva jkunu esposti, direttament jew indirettament, għal gruppi ta’ barranin, filming u osservazzjoni kontinwa, joħloq sitwazzjoni li diffiċli tiġi ġġustifikata minn perspettiva etika u umana.

Skont dak li qed jinħass mill-istaff, dawn id-deċiżjonijiet qed jittieħdu minn ċirku ristrett madwar il-kap eżekuttiv, mingħajr konsultazzjoni serja ma’ dawk li jaħdmu kuljum fuq il-post. Dawk fi ħdan dan iċ-ċirku jidher li għandhom kontroll fuq dawn l-attivitajiet u ż-żjarat, filwaqt li l-ħaddiema tal-linja ta’ quddiem qed jitħallew barra. Dan qed joħloq sens qawwi ta’ esklużjoni, nuqqas ta’ rispett u sfiduċja interna.

Ħafna qed jgħiduha ċara: taħt Kurunell Dalli, dan kollu ma kienx jitħalla jiġri. Kien hemm sens akbar ta’ dixxiplina, ordni u rispett lejn ir-rwol tal-uffiċjal korrettiv. Illum, minflok, jidher li l-istituzzjoni qed tiġi mmexxija b’mod li jqajjem dubji serji – u mhux kulħadd jemmen li dan qed isir mingħajr interessi oħra warajh.

Jekk hemm ħaġa waħda ċara, hija li hemm bżonn urġenti ta’ bilanċ. Bilanċ li jqis mhux biss dak li trid tidher l-amministrazzjoni, iżda dak li tassew għandha tkun: istituzzjoni serja, sigura u rispettabbli. Bilanċ li jirrispetta lill-uffiċjali, li jipproteġi d-dinjità tal-priġunieri u li jżomm il-funzjoni vera tal-ħabs fiċ-ċentru.

Għax jekk dan il-bilanċ jintilef, l-istituzzjoni mhux biss titlef il-fokus tagħha — imma titlef ukoll il-moral ta’ dawk il-ħaddiema li huma indispensabbli biex tiffunzjona.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading