Where your opinion counts

Il-każ ta’ Yorgen Fenech huwa prova ċara li f’dan il-pajjiż titħaddem dik li tissejjaħ “ġustizzja selettiva”.

Ftit tal-ġimgħat ilu, l-isqof ta’ Għawdex għamel referenza għall-fatt li hemm nies mal-gvern li huma mħallsa biex jaħdmu imma ma jmorrux għax-xogħol. L-isqof Teuma għamel argument morali. Qal li dan mhux sew. Naħseb li kulħadd jaqbel miegħu li kull min jaħdem għandu jmur għax-xogħol.

Imma din l-istorja tkompli ma’ stejjer oħra li jipprovaw li f’Malta għandna sistema fejn il-ħaqq hu selettiv. L-espressjoni bl-Ingliż hija selective justice.

Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea kienet tkellmet ċar dwar xi tfisser selective justice. B’ħaqq selettiv, il-Kummissjoni Ewropea tifhem li l-ġustizzja ssir arma politika. Fi kliem ieħor, il-pulizija tintuża biex ikun hemm ‘political convictions’ ta’ persuni li l-gvern irid jeħles minnhom għaliex iqishom bħala oppożizzjoni. Fuq kollox, meta jkollok każ ta’ selective justice, il-Kummissjoni Ewropea tkellmet li l-proċess ma jkunx fair, trasparenti u indipendenti, anki fid-dawl ta’ normi internazzjonali.

Huma dawn il-kunċetti fejn il-proċessi ma jkunux fair jew trasparenti u ma jsirux b’mod indipendenti li wassalni biex nitkellem fuq il-każ ta’ Yorgen Fenech. U naħseb li jekk hemm storja li turi kemm dan il-proċess hu politikament motivat, hija l-istorja ta’ persuni li ttellgħu l-qorti u ġew akkużati li ffrodaw lill-istat billi taw xogħol lil Melvin Theuma, il-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dan qatt ma mar għax-xogħol. Fi kliem ieħor, kien wieħed bħal dawk il-ħaddiema li semma l-isqof Teuma.

Imma d-differenza qegħda hawn. Fil-każ ta’ dawk allegatament involuti fil-każ ta’ Melvin Theuma, il-pulizija ħadet passi kontra tagħhom u kontra kull min b’xi mod ġiet mitqies li kellu parti f’din l-istorja, inkluż funzjonarji tal-gvern. Imma mbagħad qatt ma ħareġ akkużi kontra Melvin Theuma. Infakkar li l-każ kontra dawn in-nies taċ-ċivil inbeda f’2019 u llum erba’ snin wara għadu ma ġiex konkluż. Ara issa l-media tidher li ma tantx għadha interessata fih. Imma l-aqwa li tkaxxru nies il-qorti biex nagħmlu show! Hawn qed nitkellmu fuq xi ħames t’elf ewro ħlas. Imbagħad fejn ikun hemm seraq ta’ eluf, kollox jibqa’ għaddej u ħadd ma jispiċċa l-qorti.

Fil-każ ta’ dak li qal l-Isqof Teuma, il-gvern ma ħassx li kellu jiftaħ inkjesta bil-maġistrat kif fetaħ fuq il-każ ta’ impjieg ta’ Melvin Theuma. Mhux qed ngħid li għamel ħażin li fetaħ inkjesta fuq l-impjieg ta’ Melvin Theuma imma jidher ċar li din infetħet għaliex dan hu gvern li jipprattika “selective justice” u din intużat kif ġa spjegajt għar-raġunijiet politiċi biex fuq naħa jiġu oskurati persuni li dehru li huma ta’ Joseph Muscat u fuq kollox biex jitkompla jitpinġa għajn ħażina Yorgen Fenech li jrid jgħaddi ġuri u allura l-verdett tiegħu jiddependi mill-ġurati li għad iridu jiġu mgħażula minn fost il-poplu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *