Where your opinion counts

Issa anki l-Malta Today qed issejjaħ lil Bernard Grech “dead man walking”. Infakkar li dan kien il-kandidat li l-Malta Today riedet bħala kap tal-PN.

Minn Osservatur Politiku

Ma tistax ma taqbilx mal-editorjal tal-Malta Today fejn qed jgħidu li d-Dar Ċentrali verament għandhom problema. Għax biex il-Kap tal-Partit ma jitħalliex jidħol ġo każin minn tiegħu hija daqqa ta’ ħarta kbira. U dan meta għandek kap li f’kull okkażżjoni li jkollu jiftaħar bil-għaqda li għandu madwaru u kemm qed ikollu nies li jinkonkorru u jaħdmu fi ħdan l-istess Partit.

Kif qaltilna l-Malta Today wieħed jista’ jxebbaħ dan il-fatt ma’ eżempju reliġjuż. Ikun skandaluż li jkollok lill-Arċisqof ma jitħalliex jidħol f’waħda mill-knejjes tiegħu. Daqshekk hija qawwija din id-daqqa ta’ ħarta li qala’ Dr Bernard Grech b’dan l-atteġġjament tal-barman tal-każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħamrun.

Din hija ferita’ li nfetħet fil-qalba tal-Partit Nazzjonalista li mhux għalkemm titfejjaq speċjalment meta tara kif irrejaġixxa l-istess partit. Tiskanta kif ħadd mill-partit ma fetaħ ħalqu għajr is-Segretarju Ġenerali li prova jagħti x’jifhem li dak li ġara kien nuqqas ta’ ftehim u ma tħalliex jidħol Bernard Grech għax kien hemm nies ta’ kull fehma politika fil-każin. Kif jgħid l-Ingliż – sell it to the marines.

Imbagħad wara li għaddew erba’ t’ijiem il-Partit Nazzjonalista ħareġ b’sentenza waħda fejn qalu li l-każin tal-Ħamrun ser jingħalaq temporanjament mingħajr ma qalu xejn jekk jew meta ser jerġa’ jiftaħ.

U x’ngħidu għal mod kif ħallew kollox għaddej dwar il-persuna li qagħlet xebgħa tajba mingħand nies li kienu fil-każin dak il-Ħadd filgħodu. Qalulna li marru jarawh l-isptar fejn kellu jiġi rikoverat u operat. Allaħares le. Hekk jonqos li persuna tweġġa’ għax akkumpanjat lill-Kap u ma jmorrux jarawh l-isptar. Imma dak mhux biżżejjed. Iridu jgħidu x’ser jiġri biex jiġi dixxiplinat min aġixxa b’mod goff f’din iċ-ċirkustanza. Lanqas biss stqarrija biex jikkundannaw il-vjolenza li ntużat waqt din l-okkażżjoni.

Imma apparti kollox u apparti l-vjolenza kundannabbli li ntużat, wieħed irid jirrifletti fil-qasma kbira li hemm fil-Partit Nazzjonalista. Biex ikollok l-għeruq tal-Partit ma jaċċettawx il-kap tagħhom hija xi ħaġa li tirrifletti dan il-qsim li, jgħid x’jgħid kulħadd, jinħass f’kull settur tal-Partit Nazzjonalista. Dan kien jonqos biex jikkonferma kemm Dr Bernard Grech imexxi Partit li fih jeżistu numru konsiderevoli ta’ nies li ma jaċċettawhx. Inutli jpaċpaċ u jippriedka l-għaqda għax f’sitwazzjoni bħal dik ta’ nhar il-Ħadd, kollox jinfaqa’ f’wiċċu.

Li ġara nhar il-Ħadd wera kemm il-Kap tal-Partit ma għandux awtorita’ fuq in-nies tiegħu stess. U wieħed jikkonkludi, jekk dawn jaġixxu hekk bejniethom, x’ser jagħmlu meta jiġu ffaċċjati minn nies jew politiċi ta’ fehma differenti. Dr Bernard Grech falla bil-kbir biex jiġbor warajh il-grass roots tal-Partit tiegħu stess. Allura l-mistoqsija tiġi waħedha, jekk Dr Grech ma rnexxilux fit-tlett snin li ilu hemm, jgħaqqad lil tal-qalba madwaru, kif ser ikun kapaċi jiġbed lill-elettorat warajh biex itih rebħa fl-elezzjoni ġenerali li jmiss?

Jgħidu x’jgħidu l-uffiċjali tal-partit, din l-istorja tal-Hamrun ser tibqa’ hemm bħal dell tqil jiġri wara t-tmexxija. Il-fatt li l-kap tal-Partit jiġi mkeċċi minn każin tiegħu stess ser jibqa’ timbru ikrah fuq l-istess kap. Dan il-fatt ser joskura kull diskors li jista’ jagħmel il-kap u mhux ser iħallielu kredibilita’ meta jitkellem fuq kull tip ta’ għaqda li hemm fil-partit. Il-ħsara li saret lill-Partit Nazzjonalista meta ttieħdu deċiżżjonijiet mgħaġġla bħal meta biddlu l-Kap f’nofs leġislatura, għada tirrifletti fuq l-attwalita’ preżenti u mhux la kemm titħassar b’gomma.

Illum kulħadd kelma waħda. Id-deċiżjoni li jitbiddel Adrian Delia u l-antiċipazzjoni tas-salvatur li bih kien milqugħ Bernard Grech, it-tnejn fallew. Kulħadd qed jirrejalizza l-iżbalji li saru meta ttieħdu dawk id-deċiżżjonijiet u l-effett fuq il-perċezzjoni tal-votant hija negattiva ħafna. Hija ħasra li l-Malta Today kienet waħda minn dawk il-gazzetti li rewħet kemm felħet biex jitneħħa Adrian Delia minn kap tal-partit u jitla’ minfloku Bernard Grech.

Issa anki l-Malta Today qed titkellem fuq Bernard Grech kif tkellem dan is-sit xhur ilu, jiġifieri li Bernard Grechu hu a dead man walking. Din kienet frazi wżata minn Karl Stagno Navarra għal Bernard Grech. Il-Malta Today tagħlaq l-editorjal tagħha billi tgħid li sfortunatament ‘the PN leader is a dead man walking’ li jista’ jitwarrab b’mod faċli ħafna anke minn barman ta’ wieħed mill-każini tiegħu stess. Issa Bernard Grech ma jistax jibqa’ dak il-kap li jista’ jsejjaħ lilu nnifsu bħala l-persuna li tista’ tkun l-alternattiva ta’ Robert Abela. Id-daqqa tal-każin tal-Ħamrun kienet qawwija wisq.

One thought on “Issa anki l-Malta Today qed issejjaħ lil Bernard Grech “dead man walking”. Infakkar li dan kien il-kandidat li l-Malta Today riedet bħala kap tal-PN.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *