Dead man walking

Blog post min osservatur politiku

Karl Stagno Navarra ddeskriva lil Bernard Grech bħala “a dead wan walking“. Wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx ma’ Stagno Navarra imma minn dak li qed nisimgħu, Stagno Navarra mhux bogħod mir-realta’. Kollox jiddependi jekk hux ser ikun hemm xi ħadd, xi wieħed mid-deputati jew xi wieħed minn dawk ta’ madwaru li lesti jgħidu lil Bernard Grech ‘issa daqshekk’. Possibbli ma jeżisti ħadd minn ta’ madwaru li jgħidlu li ma jistax ikun li jibqa’ jirredikola lilu nnifsu u lill-Partit Nazzjonalista. Ma naħsibx.

Dan il-kap qatt ma beda, ma jistax ikompli u ma hu se jasal imkien. Bih bħala kap tal-partit, in-Nazzjonalisti mexjin lejn tkaxkira qawwija oħra. Ma jistax ikun li jkollok kap li ħlief fuq negattivita’ u li kollox ħażin ma jafx jitkellem. Għal Bernard Grech dejjem ġej id-dlam akkumpanjat minn kliem mhux xieraq kull darba li jagħmel diskors fil-parlament.

Possibbli dan ir-raġel ma jitgħallem qatt u mhux kapaċi jaqra s-sinjali kritiċi tan-nies? Il-kritika trid issir fuq il-messaġġ u mhux fuq il-messaġġier. Ma nistax nifhem kif kull darba li jitkellem irid bil-fors jindirizza lill-avversarji politiċi tiegħu bi kliem li ma għandux jintqal. Ma hemmx għalfejn naqgħu fuq livell isteriku personali.

Hemm mod u mod kif twassal il-messaġġ mingħajr ma tuża kliem li ma jagħmillek ebda ġieh u ma jagħtik ebda sodisfazzjon. Jaf dan ir-raġel li fil-parlament hemm il-microphones u kollox jinstema’? Jaf dan ir-raġel li kull min jitkellem ikollu il-microphone miftuħ u jinstema sewwa u ma għandux għalfejn jgħajjat? L-għajjat ma jimpressjona lil ħadd. Il-messaġġ jasal aktar meta jintqal bil-kalma u bi kliem meqjuż u adattat għall-okkażżjoni.

Ma għandix dubju li ta’ madwaru jaħtu għal dan. Bernard Grech ma jitkellimx b’impromtu. Id-diskorsi tiegħu jrid jaqrawhom. Hawn tinsab il-problema kollha. Ta’ madwaru jridu jibdlu t-tattika u l-istrateġija tagħhom jekk iridu li l-Partit Nazzjonalista jagħmel avvanz politku. Jekk se jibqgħu jisparaw għas-saqajh, allura anki fost dawn in-nies ma hemmx imħabba lejn il-partit. Dawn qegħdin hemm biss għall-gwadann finanżjarju tagħhom minn fuq dahar il-partit.

B’hekk kellu raġun Stagno Navarra li qabbel lil Bernard Grech mal-karattru prinċipali fil-film Amerikan ‘Dead man walking‘. Metaforikament spiċċa bħal dik il-persuna li ġie kkundannat għall-mewt. Il-mewt ta’ Bernard Grech hija waħda politika. Ma’ kull minuta li tgħaddi qiegħed dejjem iżjed jersaq lejn it-tmiem politiku tiegħu. U b’dak li qed jagħmel waħdu jew bl-għajnuna tal-għorrief li għandu madwaru, mhux tmiem biss għalih se jkun hemm imma se jagħti d-daqqa mortali lill-partit tiegħu wkoll.

Leave a Reply