Where your opinion counts

B’din il-gwerra ġewwa l-Ukraina, l-Ewropa għamlet Hara-kiri

Minn Edwin Vassallo.

Dak li qed jiġri fl-Ukraina jikkonferma li l-klassi politika tal-lum, li tifforma l-U.E., qatt ma kellha fuduċja fid-diplomazija u kienet mill-bidunett favur il-gwerra f’dan il-pajjiż. Il-gwerra hija riżultat tal-falliment tad-diplomazija Ewropea. Fejn ma jkunx hemm rieda favur diplomazija, u jkun hemm rieda favur il-gwerra, allura evidenti li jkollok aktar gwerer milli diplomazija għall-paċi.

Jien kont wieħed mill ftit f’dan il-pajjiż li ktibt favur il-paċi u l-waqfien tal-ġlied. Li tkun favur il-paċi u l-waqfien ta’ din il-gwerra jfisser li tkun favur il-ħajja u tkun taf tgħid “le” għall-mewt. Imma dan ma jfissirx li tkun favur r-Russja. Jien favur il-ħajja. Għalhekk jien kontra l-mewt, inkluż il-mewt mill-gwerer. Għalhekk jien kontra kull forma ta’ mibgħeda u kontra l-abort. Meta jkollok valuri umani ċari bħala d-direzzjoni politika tiegħek, huwa aktar faċli biex tkun sod u taf fejn int f’kull sitwazzjoni li ssib ruħek fiha. Bla valuri umani u soċjali, jerbħu l-interessi l-oħra kollha tal-flus.

Qiegħed ngħid hekk għaliex issa għandna “Times of Malta” li b’xi mod qed turi stampa oħra tar-realta’ tal-gwerra ġewwa l-Ukraina. Qed turi kif iċ-Ċina baqgħet konsistenti u temmen fid-diplomazija tal-paċi. Iċ-Ċina kellha politika kuntrarja għal dik tal-U.E u l-iStati Uniti. Nemmen li ċ-Ċina taf x’qed tagħmel. Anki Macron mar jitkellem mal-President taċ-Ċina. Almenu, f’dan ir-rigward jaf x qiegħed jagħmel.

Jien il-kritika tiegħi tmur għall-U.E. li ħadmet kontra l-interessi tan-nies tagħha stess meta għamlet dawk is-sanzjonijiet. Dan huwa punt li tkellimt fit-tul fuqu fuq dan is-sit. Issa anki l-media hekk imsejħa indipendenti qed tinduna jew aħjar ma tistax taħrab minn din ir-realta’, li dawn is-sanzjonijiet ħadmu kontra l-istess nies tal-U.E. Fuq kollox, illum, l-Ewropa ma għandha xejn x’tesporta ħlief teoriji tal-LGBTIQ+. Dawn huma teoriji li bihom ma terbaħx gwerer imma titlef!

F’dan il-kuntest, il-kritika tiegħi tmur anki għall-iStati Uniti li ħadmet favur l-interessi tagħha u allura ħadmet favur il-gwerra biex kumpaniji tal-armamenti Amerikani jagħmlu l-biljuni. Il-kritika tiegħi tmur għal Roberta Metsola li ma ħadmitx fl-interess tal-paċi u tal-waqfien tal-gwerra u l-anqas fl-interessi tal-Ewropa imma fl-interess ta’ dawn il-kumpaniji kbar tal-armamenti Amerikani. Il-kritika tiegħi tmur għall-Gvern Malti li ma baqax newtrali u mar mal-pajjiżi li kienu favur il-gwerra. Lill-Gvern Malti u lil Metsola ngħidilhom li l-ħajja politika mhix magħmulha mir-ritratti, iżda mill-valuri li jkollok. Dak li jiswa.

Il-valuri taċ-Ċina kulħadd jaf x’inhuma. Kulħadd jaf fejn iċ-Ċina trid tasal u nemmen li hemm ser tasal. Illum l-Ewropa ma għadx għandha l-valuri li tista’ żżomm liċ-Ċina milli tilħaq l-għanijiet tagħha. Iċ-Ċina nvestit fis-sod u mhux fuq teoriji tal-ġeneru li kissru d-dinja tal-punent. Anki jekk iċ-Ċina huwa pajjiż b’saħħtu, xorta qed taħdem għall-waqfien tal-gwerra. Iċ-Ċina qed turi li baqgħat konsistenti u temmen li bid-diplomazija tista’ ssolvi l-konflitti fuq il-mejda. Jekk ma tiflaħx tagħmel gwerra, tipprovokax konflitti għal xejn.

Imbagħad, l-Ewropa, flok fittxet li ġġib lir-Russja fuq in-naħa tagħha, għadha tfittex kif ser tkissirha. Fil-proċess qed tagħmel hara-kiri. Jiġifieri mhux biss qed tagħmel suwiċidju politiku, imma dan hu suwiċidju politiku li qed isir f’ritwal solenni reliġjuż. Mela bħala Ewropej, għandna ħafna x’nitgħallmu. Irridu nieqfu naħsbu li nafu ħafna, għaliex aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-popli Ewropej qed jindunaw kemm fil-fatt ma nafu xejn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *