Mgħarraq vapur navali Russu: iċ-ċansijiet li l-konflitt jkompli jeskala u ċ-Ċina tħabbar taħriġ militari qrib Taiwan
Minn Romegas,
Kmieni dan il-lejl għereq il-vapur tal-gwerra Moskva, il-kapitana tal-flotta navali Russa fil-Baħar l-Iswed. Skont ir-Russi, il-kaġun tal-għarqa kienu splużjonijiet abbord il-vapur, li l-kawża tagħhom skont huma m’humiex ċari. Il-vapur m’għerieqx mill-ewwel iżda li għereq f’baħar imqalleb frott il-maltemp hekk kif kien qed jiġi rmonkat lejn il-Krimea u wara li ġew evakwati l-baħrin kollha. Min-naħa tagħhom l-Ukreni u n-NATO it-tnejn qed jgħidu li l-vapur safa’ vittma’ ta’ attakk missilu mill-Ukreni u jkolli ngħid li f’dan il-każ l-verżjoni tal-fatti ta’ l-Ukreni hija ferm aktar kredibbli.
Fi żmien ta’ ċensura militari imponuta mill-gvernijiet tal-Ukrajna u tar-Russja, u fi żmien fejn il-fabbrikazzjoni tal-informazzjoni u l-użu ta’ propaganda skjetta qed jiġu wżati bi frekwenza u sofistikazzjoni dejjem akbar miż-żewġ naħat – diffiċli li wieħed ikun jaf x’ġara eżatt -avolja nerġa’ ngħid, li f’dan il-każ il-verżjoni Russa ma tantx insibha kredibbli.
Mentri t-telfa ta’ dan il-vapur mhux ser ikollu xi effett notevoli fuq l-andament tal-operazzjonijiet militari Russi (l-eżitu ta’ dan il-konflitt huwa dipendenti fuq kollox minn x’ħa jiġri fid-Dombass, fejn ma ninsewx qed jiġu pożizzjonati eluf kbar ta’ suldati u armamenti miż-żewġ naħat għal dik li donnha ser tkun l-akbar battalja miġġielda fl-Ewropa mit-tmiem tat-tieni gwerra dinija), m’hemmx dubju li t-telfa ta’ dan il-vapur hija mbarazzanti u daqqa ta’ ħarta għall-orgolju tar-Russja u ser tiżdied il-pressjoni fuq il-militar Russu biex jintensifika l-isforzi tiegħu biex iġiegħel l-Ukranja tħallas prezz qares. Dan il-lejl stess żdiedet l-intensità tal-attakki bil-missili mir-Russi f’diversi nħawi tal-Ukrajna inkluż Kiev.
Jekk ir-Russja tissuspetta jew saħansitra tiskopri li l-attakk fuq dan il-vapur kien mgħejjun minn informazzjoni jew armamenti mogħtija min-NATO, allura l-probabbiltà hija li jkun hemm xi forma ta’ tpattija u dan il-konflitt ikompli jinfirex u jeskala.
Ma ninsewx, li minkejja li l-ġlied s’issa kien ristrett ġewwa l-Ukranja, din mhix sempliċiment gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna – iżda gwerra indiretta bejn in-NATO u r-Russja u jien ngħid ukoll saħansitra ċ-Ċina. It-tpattija f’dan il-każ tista’ ma tkunx diretta lanqas. Irridu niftakru li hemm ħafna bażijiet u assi Amerikani fil-Lvant Nofsani u ma niskantax jekk naraw eskalazzjoni hemm ukoll. Hekk kif milizji bħal dawk li hemm l-Iraq u l-Yemen, jingħataw armamenti aktar sofistikati biex jattakkaw installazzjonijiet u bażijiet Amerikani jew forsi saħansitra b’mod aktar indirett infrastruttura kritika għall-ekonomiji tal-Punent, ngħidu aħna bħal dik taż-żejt ġewwa s-Sawdi li ta’ spiss jiġu attakkati mir-ribelli Houthi fil-Yemen.
Intant iċ-Ċina issa ħabbret li ser tagħmel eżerċizzji militari qrib it-Tajwan bħala risposta għall-‘provokazzjonijiet kostanti’ tal-Amerikani.
Kollox jindika li l-opportunitajiet biex dan il-konflitt jintemm illum qabel għada sfortunatament donnhom qed jgħosfru – b’konsegwenzi li wieħed diffiċli jimmaġina.
Jekk dan kollu mhux biżżejjed, il-bogħod mir-rapporti ġurnalistiċi fil-punent, fil-Lvant Nofsani qed jinħolqu tensjonijiet serji ġodda – fosthom dak ta’ diżastru ambjentali kkaġunat mit-Turkija bil-bini ta’ diga enormi ġewwa Ilisu.
L-Iran u L-Iraq qed jgħidu l-bini ta’ din id-diga ħolqot ġiebja enormi li taħżen 120 biljun metru kwadrat t’ilma mix-xmajjar Tigris u Ewfrates, meta l-ġera tal-ilma annwali ta’ dawn iż-żewġt ixmajjar mhix aktar minn 47 biljun metru kwadrat fis-sena! Huma allegaw li dan wassal għat-tnaqqis tal-livell tal-ilma f’dawn ix-xmajjar bil-konsegwenza li aktar 6.5 miljun etteru ta’ art li kienet fertili saret deżert u li qed tiżdied permezz tan-nixfa l-okkurrenza aktar frekwenti ta’ tempesti tar-ramel.
Meta tqis dan kollu u żżidhom mal-ħafna problemi eżistenti inkluż iż-żidiet fenominali fil-prezzijiet tal-fertiliżżanti kif ukoll rapporti ta’ ħsad diżastruż tal-qamħ xitwi kemm fl-Istati Uniti kif ukoll iċ-Ċina biex ma ngħidu xejn dwar dak tal-Ukrajna – kollox jindika li fis-snin li ġejjin, il-futur tad-dinja ser ikun wieħed ta’ gwerra, ġuħ u miżerja.
Kulfejn inħarsu naraw biss għami jmexxi lill-għami u kulħadd riesaq lejn il-ħofra.
Illum jum il-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu – u fuq dak is-salib talab lill-Missier jaħfer lill-poplu ‘għax ma jafux x’qed jagħmlu’
Huwa ċar li minn dakinhar ma tgħallimna xejn.
Nitolbu u nittamaw, li Alla jibqa’ jurina l-istess ħniena.
