Lest il-Ministru Silvio Schembri jiddibatti ma’ Adrian Delia? Jew qed jibża’ minnu?
Minn osservatur politiku
Waqt il-program Pjazza fuq ONE il-Ministru Silvio Schembri qal dawn il-preċiżi kelmiet:
“Jiena l-ewwel wieħed ma niddejjaqx la niddibatti u min-naħa tal-Oppożizzjoni jista’ jiġi min irid biex niddibattu”.
Min-naħa l-oħra, ftit qabel ma Schembri qal dawn il-kliem, il-preżentatur Andrew Azzopardi qal waqt il-programm tiegħu ta’ kull nhar ta’ Sibt, li kemm-il darba stieden lill-Partit Laburista biex jiġu jiddibattu f’dan il-programm tiegħu fuq ir-radju, is-Sibt filgħodu, imma ma sabu lil ħadd. Azzopardi qal li għamel kuntatt mal-Partit Laburista diversi drabi imma mid-dehra ma instab ħadd dispost li jmur fuq ir-radju biex jiddibatti ma’ Adrian Delia.
Hawn għandna prova ta’ kemm biċċiet mill-politiċi jpaċpċu l-aqwa li jkunu qalu xi ħaġa, imma mportanti li jkunu qaluha fuq xi program televiżiv biex mingħalihom titwemmen. Huwa ta’ insult għal kull min sema’ lill-Ministru Schembri jgħid dak id-diskors għaliex għal dawk il-ħafna li jsegwu programmi diversi, tinduna li hija gidba. Li kieku Silvio Schembri ried ikun onest mas-semmiegħa kien jgħid li lilu ma qalulux biex imur jiddibatti ma’ Adrian Delia għax skond hu ma jiddejjaq minn ħadd u lest jiddibatti ma’ min ikun mill-Partit Nazzjonalista.
Ta’ min jgħidlu lill-Ministru Schembri biex joqgħod attent kif jippronunzja ruħu għax il-kliem ta’ Andrew Azzopardi nhar is-Sibt li għadda għadu frisk fil-memorja ta’ ħafna nies. Veru li l-Ministru Schembri ftaħar ma’ Karl Stagno Navarra li hu jgħidha kif tkun u ma jiddejjaqx jitkellem kif iħoss imma nuqqas ta’ verita bħal dik tidher kerha immens. Li ried ikun mitwemmen seta’ qal lis-semmiegħa li hu ma marx fuq il-program ta’ Andrew Azzopardi għax ma kienx jaf, jew ma staqsewhx jew kellu impenji oħra għaliex bil-mod kif qal is-sentenza, ikkwotata aktar ‘l fuq, kien jidher ovvju li kien qed jagħmel referenza għall-program ta’ Andrew Azzopardi.
Bil-fors se jkollna ngħidulu lil Silvio Schembri li jekk irid ikun serju u fattwali ma’ kliemu, għandu jikkomunika ma’ Andrew Azzopardi u jgħidlu li jekk jistiednu, hu lest li jmur jiddibatti ma’ Dr Adrian Delia fuq kull suġġett li jixtieq hu. B’hekk inkunu ċerti li Silvio Schembri verament jaf x’qed jgħid jew verament jgħid xi ħaġa li jemmen fiha.
Issa la għandna żewġ sitwazzjonijiet diversi, nistgħu npaċuhom billi jsir program bejn Dr Adrian Delia li hu dispost jiddibatti ma kulħadd, u bejn Silvio Schembri li ddikjara li ma jibża jiddibatti ma ħadd.
