L-iżballji tal-PN u l-kambjamenti futuri fil-Partit Nazzjonalista
Fil-jiem li ġejjin ser ikunu qed nisimgħu aktar dwar l-iżball li seħħew u qed iseħħu fil-kamp tal-Partit Nazzjonalista. Imma mingħajr ma nsemmu ismijiet, hemm numru imdaqqas ta’ deputati li ħafna sostenituri tal-Partit Nazzjonalista ma jridux jarawhom fost il-grupp parlamentari ta’ wara l-elezzjoni li jmiss. Ma’ dawn id-deputati, wieħed jista’ jżid dawk li ħadmu kemm felħu biex ġabru l-firem biex itajru lill-kap tagħhom. Illum aktar mill-bieraħ in-Nazzjonalisti qed jirrealizzaw xi żball kbir kien dak li emmnu lil dawn in-nies u issa jixtiequ jarawhom barra mill-partit.
Hemm ukoll dawk li għadhom jissieltu għas-saħħa fil-partit. X’uħud minn dawn kienu fl-esekuttiv ta’ Lawrence Gonzi u baqgħu b’saħħithom anke matul is-saltna ta’ Simon Busuttil. Ħafna minnhom jissinifikaw arroganza. Xi uħud minnhom għadhom mixtiqin li xi darba jkunu fil-parlament.
Hemm imbagħad dawk li poġġew lill-Partit Nazzjonalista f’sitwazzjoni antipatika fil-ħsieb li xerrdu li huma favur l-abort u l-kannabis. Dawn ukoll ħolqu ferment żejjed fi ħdan il-partit u minħabba l-esperjenzi ta’ qabel, ħafna Nazzjonalisti ma jriduhomx bħala parti mill-grupp parlamentari fil-futur qarib.
Hemm dawk li jxerrdu l-gideb, tant sfaċċat, li ħolqu nkwiet kbir fil-Partit Nazzjonalista. Gideb li farrak partit u li ħafna llum ma jridux jafu b’dawn il-kwalita’ ta’ nies.
Hemm dawk li jaħsbu li l-partit hu tagħhom b’xi dritt u li ilhom juru arroganza għal snin sħaħ. Dawn ukoll qed jissugraw li jibqgħu l-art fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.
Hemm oħrajn li ma tawx każ tal-vot demokratiku tat-tesserati meta eleġġew kap bl-aktar mod trasparenti u demokratiku. Forsi l-ġurnalisti jkun jogħġobhom jelenkaw l-ismijiet tagħhom u jniżżlu r-raġunijiet għaliex dawn in-nies ma għandhomx ikunu mażżra mal-kap li jkun hemm wara l-elezzjoni ġenerali.
Biss dawn l-istess nies qed jirrealizzaw li l-kap preżenti spiċċa mazzra għalihom. Dawn għandhom aspirazzjonijiet li jitilgħu. Biss jekk il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jnaqqas il-voti, iċ-ċans tagħhom li jagħmluha fil-Parlament qed jonqos bil-kbir, għaliex in-numru ta’ kandidati li jistgħu jitilgħu mill-kamp Nazzjonalista qed jonqos ukoll. Dan qed iwassal għal tħassib u jista’ jkun sors ta’ inkwiet serju fl-istess partit. Dwar dan u x’inhu jingħad fil-Partit Nazzjonalista aktar fi blogs futuri.