Where your opinion counts

Joe Debono: il-kontribuzzjoni tiegħu lejn l-istorja riċenti ta’ pajjiżna

Illum tħabbret il-mewt ta’ Joe Debono, bniedem marbut mal-qasam tal-ispettaklu, b’mod partikolari l-karattru li kellu fuq Xarabank ta’ James Bondin.

Jien lil Joe Debono ma sirtx nafu mit-televizzjoni jew id-drama. Jien sirt nafu l-universita’. Joe Debono kien attenda wieħed mill-korsijiet li jiena nagħti, dak marbut mar-riċerka dwar l-istorja tal-familja u l-ġenjoloġija Maltija fid-Dipartiment tal-Istorja.

Kien ‘student’ attent ħafna u kien juri interess partikolari. Jekk niftakar tajjeb, f’dan il-perjodu kien jagħti is-servizz impekkabbli tiegħu bħala gwida għal turisti li jkunu jixtiequ servizz personalizzat.

Min-naħa tiegħi, dan hu kors li nieħu gost nagħti għaliex fih joħorġu stejjer li mhux ser issibhom qatt miktuba fid-dokumenti tal-istorja. U dak li ġara fil-każ ta’ Joe Debono.

Niftakar li waqt il-lecture, meta konna qed niddiskuti l-memorja storika, hu tkellem fuq esperjenza tiegħu personali. Tkellimna fuq l-imgħoddi li fil-każ tiegħu kien marbut mal-knisja ta’ San Pawl Nawfragu l-Belt. Kien waqt din id-diskussjoni li tkellem fuq karattru fil-familja tiegħu, preċiżament iz-ziju tiegħu.

Dan iz-ziju daħal fl-istorja kontemporanja ta’ Malta. Imma dan hu fatt li hu ftit li xejn hu magħruf. Zijuh kien wieħed mill-karattri li ħa sehem fl-irvellijiet tat-28 ta’ April 1958. Kien anki wieħed minn dawk li ġew arrestati minħabba dawk l-irvellijiet. Niftakar lil Joe jgħidli li ismu u r-ritratt tiegħu jinsab fil-ktieb ta’ Alfred Sant, bl-isem “28 ta’ April 1958: Il-Ħobż u l-Ħelsien“.

Sa hawn xejn kbir. Biss dan il-bniedem twarrab mill-kronaka storika. Dan għaliex minflok kien intbagħat il-ħabs, ġie mgħoddi bħala miġnun u ġie maqful fl-isptar Monte Carmeli minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’dawn l-irvellijiet.

Skont l-istess Joe, dan iz-ziju tiegħu kien intelligenti ħafna. Nemmnu għaliex f’dan il-perjodu, kien hemm dan ir-riskju li jekk persuna żagħżugħa, li ma tkunx ġejja minn xi klassi partikolari, imma turi intelligenza aċċessiva u superjuri għall-oħrajn, u tispiċċa tieħu sehem f’azzjoni politika aċċessiva, kellha riskju li tiġi mitqiesha bħala miġnuna.

L-ikbar dispjaċir li kien hemm wara din l-persuna, u anki għall-istess Joe kien li l-ebda partit politiku, inkluż l-istess Partit Laburista, qatt ma mpurtah minn din l-istorja ta’ dan ir-raġel li spiċċa maqful għal ma nafx kemm żmien ġo sptar mentali minħabba l-attiviżmu politiku tiegħu.

Meta ħareġ mill-isptar baqa’ jġorr din il-marka fuqu – jiġifieri li kien inqafel fi sptar mentali u dan it-timbru baqa’ jġorru tul ħajtu kollha.

Joe Debono kien jgħidli li hu kien jitkellem ma’ zijuh, wara li dan ħareġ mill-isptar u z-ziju tiegħu, bir-raġun ma tantx kien irid jitkellem fuq din l-esperjenza waqt li kien juri xettiċizmu lejn il-politika, tkun ta’ liema partit tkun, xi ħaġa li kont inħoss li l-istess Joe spiċċa jġorr fuqu.

Niftakar kont ħeġġiġtu biex jirriċerka aktar u jikteb fuq din l-istorja . Kien qalli li ma xtaqx iqajjem erwieħ mill-oqbra.

Riċentament sirt naf li ppubblika rumanz bit-titlu taz-ziju Manwel. Għadni ma qrajtux biss kurjuż ħafna biex nara jekk dan ir-rumanz ġiex ispirat minn din l-istorja li kienet immarkat lill-familja tiegħu u lilu tul ħajtu kollha.

Strieħ fis-sliem Joe. Kien ta’ pjaċir għalija li sirt nafek.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *