Where your opinion counts

Dan hu budget soċjali

Blog post minn osservatur politiku

Tista’ tagħti diversi titli lill-budget imxandar il-ġimgħa l-oħra, imma naħseb l-aktar titlu li jixraqlu huwa, budget soċjali, għax kellu diversi miżuri pożittivi fl-aspett soċjali. Hemm diversi żidiet li juru l-ħsieb warajhom li jwieżnu lill-aktar sezzjoni vulnerabbli tas-soċjeta’ u għalhekk jikkonfermaw għajnuna soċjali. Dawn huma deċiżjonijiet li l-uniku kumment li tagħmel fuqhom huwa ta’ tifħir.

Hawn għandna budget li wera r-ruħ soċjalista ta’ dan il-Gvern, li fuq kollox hu partit soċjalist. L-elenku ta’ miżuri fiskali oħrajn kollha għandhom għan tajjeb. Ma hemmx il-bżonn li noqgħodu nsemmuhom kollha għaliex l-iskop tagħhom jista’ jintlaħaq peress li jiġġeneraw aktar flus fil-but u allura r-rota ekonomika ddur xi ftit iżjed. Fuq kollox nistgħu nikkonkludu li dan kien budget pożittiv, xi ħaġa li rridu nistennew minn Gvern Soċjalist.

Xorta jibqa’ l-fatt li għad irridu naraw l-effetti kollha tiegħu fil-futur, nisperaw qarib. Meta nisperaw li naraw din ix-xejra nkunu nistgħu ngħidu li bħala għajnuna soċjali dan il-budget ikun irnexxa.

Imma issa hemm kwistjoni taħraq oħra li l-Gvern hemm bżonn li jaqbadha minn qrunha bħal ma għamel fis-soċjal. Dan fejn jirrigwardja l-ambjent. Diġa’ tana xi ndikazzjonijiet bħalma huma t-twaħħil ta’ eluf ta’ siġar biex noħolqu buskett ġdid. Jekk jista’ jkun mhux wieħed.

Tajjeb li nisimgħu fuq inċentivi lil dawk in-nies li jitħajru jixtru karozzi elettriċi. Iżda dawn huma fil-futur u qed tinħass l-urġenza li jsir xi ħaġa fil-preżent u b’mod urġenti. Hemm bżonn urġenti li nnaddfu pajjiżna. Irridu naraw l-id soda tal-Gvern fuq is-separazzjoni tal-iskart li suppost sa issa ngħata żmien biżżejjed biex kulħadd jitgħallem jaqdi d-doveri tiegħu lejn l-iStat. Dan għandu jsir obbligatorju b’konsegwenzi dixxiplinarji u legali. L-iStat, fejn meħtieġ, irid jimmeljora l-ġbir tal-iskart. Irid jara li jitħawlu aktar siġar u li jiġu kkultivati dawk eżistenti.

Trid tittieħed deċiżżjoni qawwija dwar l-applikazzjonijiet barra ż-żoni tal-iżvilupp. Jagħtu protezzjoni tajba lill-bdiewa tagħna biex inkunu ċerti, bħala poplu, li nibqgħu nsibu ikel lokali bnin u frisk. Huma ħafna dawk in-nies, li għalkemm forsi siekta imma sinċerament iħossu li ma jistax ikun li Malta u Għawdex jibqgħu jintlew bil-konkriet u dejjem jonqsu ż-żoni tal-art maħduma. Il-bdiewa tagħna għandhom bżonn l-għajnuna u hemm bżonn urġenti li dawn ma jitilfux xogħolhom imma jsibu sostenn kif jistgħu jibqgħu jaħdmu l-art li ilhom jikkultivaw għal snin sħaħ.

One thought on “Dan hu budget soċjali

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *