Where your opinion counts

Il-pulizija għandha tkun aktar onesta kif toħroġ l-istqarrijiet tagħha

Ħallejt ftit taż-żmien jgħaddi apposta minn meta ppubblikajt l-istorja dwar Anthony Borg. Infakkar il-kontroversja li kienet inqalet għaliex jien kont wieħed li ktibt u għidt li dan kien imfittex mill-pulizija għaliex ma kienx qed jiffirma fl-għassa tal-Qawra. Wara din l-istorja ħarġu rapporti fil-media biex igiddbu dan il-fatt. Kif ngħidu bil-Malti, issa kollox waqa’ fuq ommu. Fi kliem ieħor, il-media li suppost tgħid il-verita’ ħarġet bi ħġarha biex tgħid li din kienet gidba. Jien ma neħħejt xejn milli ktibt. Hawn nista’ nikkonferma li dak li inkiteb huwa minnu. Fi kliem ieħor, kontra kull impressjoni li ppruvat tagħti l-media, l-ispetturi tal-pulizija verament ordnaw li jkun arrestat Anthony Borg.

L-iskop ta’ dan l-artiklu mhux li nsawwat lis-Sur Borg, imma li nuri kif il-media ddawwar stqarrija biex tibdel ir-realta’ tal-istorja. Fi kliem ieħor, l-ispetturi nvoluti f’din l-istorja, Godwin Scerri u Leeroy Balzan, għamlu xogħolhom sew meta ħarġu dak l-avviż intern u ordnaw l-arrest.

Fuq kollox, kontra dak li kien irrappurtat minn NET News, il-pulizija qatt ma ċaħdet li mhux vera li kienet qed tfittex lil Anthony Borg. Mela mhux veru kif kien irrappurtat minn Net News li “il-pulizija tikkonferma li Anthony Borg qatt ma’ reġa’ kien imfittex minnha”. L-istqarrija tal-pulizija qalet biss li qatt ma ħarġet stqarrija pubblika li Borg kien imfittex. Din hija xi ħaġa totalment differenti minn kif ġie mqiegħed l-istess titlu minn Net News li qed nippubblikah hawn taħt.

Waqt li l-pulizija qalet il-verita’ għax ma ħarġet l-ebda avviż, l-istess pulizija għandha toqgħod attenta kif toħroġ l-istqarrijiet tagħha għaliex tista’ tkun qed titfa’ f’dawl ħażin spetturi tal-korp li jkunu qed jagħmlu xogħol sew, bħal ma ġara f’dan il-każ partikolari.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *