Where your opinion counts

Għaliex l-argumenti ta’ Jason Azzopardi huwa ġuridikament perikolużi?

Blog post minn osservatur politiku

Jason Azzopardi reġa għamilha ta’ “judge, jury and execution” fl-intervista li ta lil Lovin Malta. Skont Azzopardi, jekk l-FIAU ma tieħux azzjonijiet drastiċi u l-pulizija tarresta u tressaq il-qorti u l-qorti tikkundanna nies li huma politikament esposti, Malta mhux ser tieħu r-ruħ. Dan Dr Azzopardi qalu meta kien qed jagħti intervista live fuq Lovin Malta. Dr Azzopardi speċifika li qabel ma Konrad Mizzi jiġi misjub ħati, Malta ma tistax titneħħa minn fuq il-lista l-griża.

Huwa qed jikkontendi li ebda pajjiż minn dawk it-tlieta li weħħluna ma huma se jikkonċedi li jħallina noħorġu mill-lista l-griża jekk ma nurux li aħna, bħala pajjiż, lesti li nressqu l-qorti numru ta’ politiċi korrotti Maltin. Mhux talli hekk talli Dr Azzopardi qiegħed jirraġuna li biex noħorġu minn dik il-lista, Malta trid tkun tat numru ta’ kundanni fejn tidħol il-korruzzjoni. Dejjem skond Dr Azzopardi dan huwa l-messaġġ li Malta trid tibgħat lill-pajjiżi b’saħħithom madwar id-dinja, li pajjiżna qed jieħu azzjoniiet tanġibli kontra politiċi kriminali.

Dan jidher kliem sabiħ. Kulħadd jaqbel li l-pulizija għandha tinvestiga l-korruzzjoni. Tinvestiga deputati. Biss dak li hu perikoluż hawn, li dan ġa kkundannahom. Dan imur kontra l-prinċipju tas-saltna tad-dritt. Qed jgħid ċar li l-qorti għandha ssibhom ħatja. Hawn fejn qed jitneħħa kull sens ta’ ekwita ġuridika. Il-problema hawn hija li Azzopardi qed jagħmilha ta’ imħallef, ġurija u anki l-bojja. Azzopardi jrid jiddeċidi fejn ser joqgħodu u kif ser jilgħab: jew ser ikun l-avukat fil-qorti jew il-politiku fl-arena politika. It-tnejn ma jmorrux flimkien.

Biex isaħħaħ l-argument tiegħu Dr Azzopardi staqsa, jekk xi ħadd jistax jimmaġina li l-America, li tant hi b’saħħitha taċċetta li toħroġna mil-lista l-griża qabel ma tara arresti u kundanni ta’ nies magħrufa, speċjalment dawk li huma politiċi jew qrib il-politika. Bil-fors, kompla Jason Azzopardi, li Malta trid tibgħat il-messaġġ li qed tieħu l-korruzzjoni b’serjeta kbira. Azzopardi qed jgħid li l-Gvern qiesu qed jagħti x’jifhem li l-istess Gvern qed jassigura l-impunita’ lil Konrad Mizzi. Skond Azzopardi ma jistax ikun li nħallu nies jiġru barra meta hemm daqstant allegazzjonijiet kontra tagħhom. Ma jistax ikun li jkollok ex-Ministru allegatement imċappas b’ħafna korruzzjoni li għadu jitqies bħala membru tal-parlament Malti. Ma jistgħax ikun li l-pulizija tibgħat messaġġ li mhux se jiġru wara individwi li kellhom kontijiet fil-Pilatus Bank.

Għal darba oħra dan hu kliem perikoluż ħafna. X’inhu jingħad hawn? Li kull min kellu kont fil-bank Pilatus hu kriminali u jrid jittella’ l-qorti? X’inhu jingħad hawn li deputat għandu jitkeċċa mill-parlament? Bħal ma jaf tajjeb Azzopardi, il-fatt li persuna hija deputat ma jfissirx li ma tistax tkun investigata u anki tiġi arrestata mill-pulizija. Biss ħadd u xejn ma jista jġiegħel deputat jirreżenja. Fuq kollox, Azzopardi jaf li fl-Amerika, reati ekonomiċi huma mittieħda bis-serjeta’ biss imbagħad l-istat ma jindaħalx, kif qed jimplika Azzopardi, fil-proċessi tal-qrati u jitlob kundanni a priori, jiġifieri minn qabel. Dan hu ġuridikament perikoluż ħafna.

Imbagħad hemm l-argument politiku li sar referenza għalih il-bieraħ f’dan il-blog. B’dan l-argument ta’ Azzopardi, biex Malta toħroġ mil-lista l-griża ser tieħu ħafna iżjed mit-tmintax-il xahar li qed ikun konsidrat. Jekk Malta se toqgħod tistenna l-kundanni ta’ min allegatament ikkommetta l-korruzzjoni, se nieħdu ħafna iżjed snin, għaliex kull Malti u Għawdxi jaf li meta tidħol il-qorti, qatt ma tista’ tkun taf meta l-kawża se tispiċċa. Malta ma tistax tistenna dawn il-ġudizzji.

Hemm bżonn li pajjiżna jaħdem u jikkonvinċi biex noħorġu ħafna iżjed malajr u mhux nistennew il-proċeduri legali. Dr Azzopardi hekk jixtieq, imma ma jfissirx li x-xewqa personali tiegħu hija tajba għal pajjiżna. Dr Azzopardi nispera li ma tkun qatt xi wieħed li tinnegozja mal-FATF għax bil-modus operandi tiegħek tħalli lil Malta imwaħħla fl-FATF għal ħafna żmien itwal milli huwa antiċipat.

One thought on “Għaliex l-argumenti ta’ Jason Azzopardi huwa ġuridikament perikolużi?

  1. Jista’ jghidulna, Jason Azzopardi, il-kazi tal-Lowenbrau, tal-Fekruna u ta’ Spinola humiex fil-lista biex j8nghataw verdett mill-qorti ?Charlesagius

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *