Where your opinion counts

Il-Partit Laburista u l-pożizzjoni tiegħu fuq l-abort

Cyrus Engerer kien l-uniku Membru tal-Parlament Ewropew Malti li vvota favur ir-rapport tal-Parlament Ewropew li ddikjara l-abort bħala dritt ċivili. Dan għamlu minn rajh u forsi anki mingħajr ma’ ta każ tal-opinjoni pubblika Maltija. Qed ngħid hekk għaliex skont is-surverys s’issa, il-maġġoranza tal-Maltin huma kontra l-abort.

Ħa nagħmilha ċara. Jien kontra l-abort. Imma l-iskop ta’ dan l-artiklu huwa ieħor. Wieħed jista’ jargumenta li qabel ma tefa’ l-vot tiegħu, Engerer ma kienx qed jirrifletti kif jaħsbuha ħafna laburisti fuq dan is-suġġett. Argument ieħor jista’ jkun li kien qed joħodha kontra l-kurrent fl-istess partit. It-tielet pożizzjoni tista’ tkun riflessjoni ta’ tensjonijiet interni fi ħdan il-Partit Laburista.

Anke jekk forsi jipprova jargumenta li din id-deċizzjoni ma timpattax fuq id-deċizzjoni tal-Parlament Malti, xorta bil-vot tiegħu, Cyrus Engerer tbiegħed mit-twemmin tal-maġġoranza assoluta tal-Laburisti f’Malta imma kien ħafna qrib kif jaħsbu x-xellugin ġewwa l-Ewropa.

L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista diġa’ espremiet b’mod ċar li jekk tersaq xi mozzjoni fuq dan is-suġġett, il-membri Laburisti fil-Parlament Malti se jivvutaw favur il-ħajja. Allura l-mistoqsija tiġi waħidha. Kif tħalla deputat Laburista jivvota kontra l-ħsibijiet tal-Partit tiegħu stess? Dan ivvota fuq kif jaħsibha hu, bħala persuna. Biss wieħed irid iżid li jekk Cyrus Engerer kien favur, kien hemm żewġ deputati oħra Laburisti li bil-vot tagħhom kienu pjuttost favur. Alfred Sant u Josianne Cutajar astjenew. Meta wieħed iqis li Alfred Sant huwa favur l-abort, il-fatt li astjena naħseb li ġej aktar mill-fatt li ma riedx jieħu pożizzjoni drastika li tmur kontra l-linja tal-Partit Laburista bħal issa f’Malta. Naħseb fuq l-istess ħsieb aġixxiet Cutajar.

Min-naħa l-oħra, ma nistax ma nammirax il-pożizzjoni ta’ Alex Agius Saliba. Hu mar kontra l-kurrent fi ħdan ix-xellug fil-Parlament Ewropew meta ivvota kontra. Kien wieħed mill-ftit ħafna fuq din in-naħa tal-Parlament Ewropew li vvota kontra.

Biss dawn il-voti pjuttost differenti ma ġabux reazzjonijiet kontra dawn id-deputati. Dawk il-Laburisti kontra l-abort ma għajrux lil Cyrus Engerer u qalulu li jrid jiftakar li dak is-siġġu li għandu fil-Parlament Ewropew mhux tiegħu, imma huwa ta’ kull min ivvota lill-Partit Laburista fl-elezzjoni għall-membri tal-Parlament Ewropew. L-anqas dawk li huma xellugin f’Malta u huma favur l-abort ma għajru lil Alex Agius Saliba u qalulu aħna ma poġġejnihx hemm biex taqdef għal rasek u tmur kontra l-linja tal-Partit Soċjalista Ewropew. L-istess jgħodd għaż-żewġ deputati li astjenew. Ħadd mill-partit Laburista ma qalhom aħna ma tajnikx karta bajda biex toqgħodu gallarija. Aħna poġġejniekom hemm biex tivvotaw f’isimna u allura ma stajtux tastjenew imma kellkom turu l-opinjoni tagħkom.

Ma hemmx dubju li dan il-vot ta’ Cyrus Engerer għoġob lill-‘the sexual health advocacy group Doctors For Choice’. Ovvjament wieħed irid jara kif l-elettorat Laburista ser jirreactja fl-elezzjonijiet futuri Ewropej. Wisq probabli, Engerer qed iħares lejn dawk il-votanti, Laburisti u Nazzjonalisti li huma favur l-abort u jkun qed jiġbor il-vot tagħhom. Fuq dan il-lat, huma qiegħed pożizzjoni aħjar minn Alfred Sant, għaliex naħseb li anki jekk hemm Nazzjonalisti favur l-abort, żgur li mhux ser jagħtuh il-vot lil Sant imma lil Engerer iwa.

Issa jgħodd kemm dawk li huma kontra l-abort ser ikunu kompatti u kemm ser jingħaqdu flimkien u ser iżommu mal-prinċipju li għalihom l-abort huwa qtil tat-trabi fil-ġuf u dik hija linja li ma jippermettu lil ħadd li jaqbiżha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *