Id-diskors li għamel fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet Bernard Grech dwar l-FATF

Blog post minn osservatur politiku

Nhar il-Ġimgħa, f’għeluq il-ġimgħa ta’ xogħol, il-Kap tal-Oppożizzjoni ta rendikont ta’ għemilu. Dan għamlu permezz ta’ film irrekordjat li ġie trasmess fuq NET TV. Fl-aħħar ta’ din it-trasmissjoni qasira ġie mistoqsi, li din il-ġimgħa kiteb ittra lill-FATF u jekk jistax jispjega iżjed dwar dan. It-tweġiba tiegħu, kelma b’kelma, hija din li ġejja:

L-ewwel ħaġa l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid, jien ukoll kemm ilni tmien xhur u nofs kap ta’ dan il-Partit, illi hemm bżonn nagħmlu minn kollox biex ma naslux li nkunu greylisted. Diġa’ huwa ta’ ħsara illi hemm it-theddida, aħseb u ara jekk fil-fatt niġu greylisted. Fil-fatt għalhekk aħna, bħala partit, jien bħala kap, offrejt l-għajnuna tiegħi b’mod uffiċjali, imma anke inuffiċjali lill-gvern, u dan mhux illum imma anke xhur ilu biex inkunu qiegħdin hemmhekk bħala partit bil-membri tagħna, imma anke jien bħala kap, biex ngħinu fejn hemm bżonn u fejn aħna niġu msejħin. Malli mbagħad ħarġet l-aħbar il-bieraħ t’lura, illi kien hemm din it-theddida, u allura kellek tliet pajjiżi illi qiegħdin jindikaw kif se jkunu qed jivvutaw, u allura ta’ detriment għall-pajjiżi, jiena ħassejt li għandi l-obbligu, illi nindika, illi kien hemm affarijiet li fil-fatt saru, biex intejbu l-qagħda ta’ pajjiżna f’dan ir-rigward. Irrikonoxxejt illi bdiet it-triq anke biex intejbu wkoll dak illi fil-fatt jitfa’ dell ikrah fuq pajjiżna, imma wkoll tajt il-wegħda illi bħala kap tal-Partit Nazzjonalista, jekk jien ningħata l-fiduċja, ħa nkun qiegħed ukoll inkompli naħdem għaliex hekk hemm bżonn, u hekk rrid, illi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, isem pajjiżi, jerġa’ jieħu l-kredibilita’ u r-rispett li jixraqlu”.

Fil-bidu qal li hu u l-partit stqarrew illi hemm bżonn jagħmlu minn kollox biex ma naslux li nkunu greylisted. Biss meta wieħed jisma dan id-diskors mill-kap tal-oppożizzjoni ser ikun mistoqsi, imma inti, bil-fatti, x’għamilt int, biex Malta ma tkunx greylisted u lil min kellimt? Dr Grech stqarr li hu offra l-għajnuna tiegħu b’mod uffiċjali u inuffiċjali. Dr Grech qal ‘u dan mhux illum imma xhur ilu’. Qal ukoll u qed nikkwota li ‘fejn hemm bżonn u fejn aħna niġu msejħin’. Dan il-proċess ilu għaddej sena u nofs, skond il-Ministru tal-Finanzi. Mela kemm ilu Dr Grech kap, dan il-proċess kien fl-aqwa tiegħu. Ħalli niftehmu, huwa obbligu ta’ kull kap tal-oppożizzjoni li jagħmel xogħol ta’ fejda għal pajjiż. Huwa obbligu ta’ kull kap li jaħdem kemm jiflaħ biex jgħin. Biss il-mistoqsija politika li ser issir, wara dan il-filmat, hija kif kont proattiv? Żgur li ser tkun mistoqsi kif, fejn u meta offrejt din l-għajnuna? Din l-għajnuna tiegħek ġiet riffjutata mill-gvern? Jekk kienet irrifjutata mill-Gvern, il-poplu ser jistaqsi fejn, kif u meta ġiet irrifjutata. Jekk għandek it-tweġibiet tissaħħaħ. Jekk le, il-figura tiegħek tkompli tiddgħajjef.

Qalilna wkoll li kif ħarġet l-aħbar kien jaf li kien hemm tliet pajjiżi kontra Malta. Dr Grech tkellimt mal-counterpart tiegħek f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, biex tispjega l-fatti kif inhuma u allura tkun tassew qed tgħin biex tissalvagwardja lill-pajjiżi? Għal darba oħra, fil-politika ser tkun mitlub tgħid x’għamilt fid-dettal ma’ dawn il-pajjiżi.

Il-problema politika li nħolqot hija li int ktibt u ppubblikajt ittra li tat impressjoni li għamilt il-kontra. Anzi issa l-impressjoni li politikament ser tħalli hija li l-barranin ma tawx kasek u dak ma sewa għal xejn.

Imma mbagħad Dr Grech għalaq billi reġa’ rrepeta dak li ilu jgħid li jekk ikollu l-fiduċja tal-poplu, se jkompli jaħdem. Ma jidhirlekx li dan il-kliem qed inaqqas mill-istatura tiegħek? L-istatura ma ddurx mal-immaġni. Iddur mal-azzjoni. Fil-politika l-kliem iqanqal imma l-azzjoni tkaxkar.

Jiddispjaċini ngħidlek, li għamilt żball kbir meta bgħatt dik l-ittra. Spiċċajt qiesek Alfred Sant meta kien inqabad, fil-kampanja elettorali bil-famuża frażi tar-repeater class. Int ħadt żball. Ipppruvajt tiġbor ġieħek f’dan ir-recording li għamilt, imma jiddispjaċini ngħidlek li b’li għamilt kompljet għarraqt is-sitwazzjoni.

Il-poplu jippretendi li l-Partit Nazzjonalista, ikun immexxi b’dehen għal ġid ta’ pajjiżi. Il-poplu jagħraf li persuna tista’ tiżbalja. Biss hemm żball u żball. Hemm żball ġenwin u żballji oħra li fil-politika ma jinħafrux. Bħala kap tal-oppożizzjoni trid tara li ma twettaqx minn dawn l-iżballji, għaliex jiġrilek bħal dik il-persuna li tkun għamlet pass ħażin u marret għall-wiċċha.

Fil-politika l-umilta’ kollox. Dan hu partit li għandu warajh storja riċenti ta’ arroganza. Oqħqod attent li bl-azzjonijiet li tagħmel ma tkabbarx din il-ferita’ ta’ arroganza. Kun umli biżżejjed u ammetti li inqast, li żbaljajt, li għaġġilt. Jekk taħseb li jekk tagħmel hekk ser tkompli tkabbar l-iżball allura titkellem xejn u mhux tmur tagħti konferenza biex tkompli tikkonferma li weħilt mill-eżami.

B’hekk jekk il-pajjiż jeħel mill-eżami ser teħel int. Jekk il-pajjiż ser jgħaddi minn dan l-eżami determinanti, il-pajjiż ser jgħid li l-FATF u l-pajjiżi membri tagħha ma tawx każ tal-ittra tiegħek!

2 comments

  1. Il hsara li qed jaghmel Bernard Grech lil Maltin hija ghar min ta Metsola,Casa U Simon u il Poplu se jkun jiftakruh bhala Traditur

Leave a Reply