Ftit mistoqsijiet lil Ivan Castillo

Blog post minn osservatur politiku

Ivan Castillo huwa kunsillier fil-lokal tagħna l-Mellieħa u llum kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-tnax-il distrett. Apparti li qiegħed president ta’ fergħa fl-istess partit, jippreżenta ħafna programmi fuq ir-radju tal-partit ukoll. Mela dan ir-raġel għandu penż ikkulurit għall-Partit Nazzjonalista u ma dan il-penz ġie mogħti ħafna aktar mumenti ta’ pubbliċita fuq il-mezzi tax-xandir tal-partit, biex jinstema’ u jidher ħafna iżjed minn kandidati oħra fid-distrett. Għandu pinna tajba u juża kontinwament. Fil-gazzetta tal-bieraħ, il-Ħadd, Illum, kiteb artiklu taħt it-titlu ‘Viċin in-Nies’. Silta minn dan l-artiklu laqtitni u se nikkummenta ftit fuqha. Castillo kiteb hekk,

“Intom qed tagħtuni l-opportunità sabiex inkun nista’ nsir nafkom iktar mill-qrib, intom li tilqgħuni ġewwa darkom, intom li tagħtuni l-opportunità li nkellimkom u ngħidilkom fiex nemmen u x’nixtieq nagħmel għalikom. Nispjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista u għalfejn għandkom tagħtuna l-fiduċja tagħkom”.

Is-Sur Castillo qed jgħid lill-kostitwenti tiegħu li huma qed jagħtuh l-opportunita’ sabiex imur fid-djar tagħhom, jitkellem magħhom, jispjegalhom fix jemmen u x’jixtieq jagħmel. Biss l-aktar importanti hija li jispjega l-viżjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista. Mela għal dan il-kandidat lanqas hu biżżejjed il-ħin li għandu fuq ir-radju, jew meta jkun mistieden fuq in-NET TV, biex jispjega l-viżjoni tal-Partit. Jieħu l-mumenti li jżur il-kostitwenti biex ikompli jispjegalhom fuq dak li qed jaħseb fih il-Partit Nazzjonalista.

Bla ma trid hawn ikollok tistaqsi x’qed jgħidilhom Castillo lill-kostitwenti tiegħu meta jistaqsuh, x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq il-kannabis, suġġett li suppost il-partit ħa pożizzjoni fuqha xi tlieta jew erba’ xhur ilu? Tgħid jgħidilhom li l-grupp parlamentari ltaqgħu xi ħames darbiet u għadhom ma waslu mkien? Tgħid jgħidilhom li l-kap tiegħu, Bernard Grech, irid li kulħadd ikun favur għax iż-żewġ t-itfal tiegħu hekk iridu? Nista’ nagħmillu ħafna mistoqsijiet oħra lil Ivan Castillo, imma għal-lum se nieqaf hawn.

Biss dan il-kandidat fil-kitba tiegħu qalilna li jgħid lill-kostitwenti tiegħu fix jemmen u għalfejn għandkom tagħtu l-fiduċja lill-partit tiegħu. Castillo inti temmen fl-irġulija? Inti temmen fil-lealta’? Inti kontra l-ġakbiniżmu? Qed nistaqsik biex infakkrek ftit affarijiet. Qabel l-elezzjoni tal-Kap tal-Partit, ftit inqas minn sena ilu, niftakar tajjeb li int ġejt mitlub minnu biex tgħin il-kummissjoni elettorali tal-partit. Inti kont tmur għal ħin twil u kont taħdem id f’id ma’ Piccinino u ma’ Peter Fenech, ic-chairman ta’ din il-kummissjoni. Se jkolli nistaqsik, min għażlek u nnominak? Se nirrispondi jien għax forsi int tiddejjaq. Innominak Adrian Delia. Ħdimt favur tiegħu? Se nerġa’ nirrispondi jien. Le, anzi jingħaqqad ma’ dawk kollha fid-Dar Ċentrali li kienu qed jgħinu lil Bernard Grech fil-kampanja tiegħu.

Qed tgħidulhom dan id-diskors lill-kostitwenti tiegħek, li int tradejt lill-kap tiegħek dak iż-żmien wara li nnominak Adrian Delia? Minn din ir-risposta joħorġu l-valuri tal-irġulija, lealta’ u ġakbiniżmu! Meta ġie ppubblikat dan l-artiklu nżerta Jum il-Missier. Jien lill-għażiż missierek Toni, li nitlob dejjem li l-Mulej jigglorifikah bil-glorja tal-ġenna, għaddejt ħafna ħin miegħu fil-każin tar-raħal. Ser jkolli nfakkrek x’kien jgħidli Toni u se nuża kważi kliemu preċiżi. It-tifel tiegħi ma joħroġx għall-politika fuq id-distrett, għax ir-rappreżentant tal-Mellieħin huwa Robert Cutajar, u dak inħobbu qisu t-tifel tiegħi.

B’dispjaċir Ivan Castillo kelli nagħti dak l-eżempju tal-għażiż Toni, magħruf u maħbub minn kulħadd fil-Mellieħa, imma deherli li meta tikteb u ssemmi ċertu valuri u prinċipji trid tkun onest ħabib. Tinsa qatt li Malta żgħira u n-nies magħrufa, il-Mellieħa ħafna iżgħar u l-Mellieħin jafu lill-Mellieħin kollha ħuthom.

One thought on “Ftit mistoqsijiet lil Ivan Castillo

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading