Where your opinion counts

Il-Partit Nazzjonalista jimita l-istrateġija li kellu l-Partit Laburista meta kien fl-Oppożizzjoni: jrid l-ismijiet tan-nies milquta bil-kontijiet għoljin biex jagħtihom refund meta jkun fil-Gvern.

Blog post minn osservatur politiku

‘Intom tilħqu lil ftit, aħna nilħqu lil ħafna’. Dan huwa l-messaġġ li ħarġu bih il-Partit Nazzjonalista meta qed jgħidu liċ-ċittadini Maltin u nispera Għawdxin biex imorru jirreġistraw magħhom ħalli meta jkunu fil-gvern jagħtu lura l-flus misruqa mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Li huwa serq, ormaj, huwa konfermat minn kull min tkellem fuq dawn il-kontijiet. Qed ngħid hekk għaliex anke il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li jrid jirrevedi l-mod kif jinħadmu l-kontijiet. Dik biss hija konferma flagranti minn Prim Ministru.

Ġie Prim Ministru ieħor, ikkonferma, imma xorta ma għamel xejn. Rapport llikjat, għalkemm konsidrat bħala ‘work in progress’ tat il-possibilita’ lill-Partit Nazzjonalista biex isib ix-xoqqa f’moxta u jirrepeti dak li kien għamel il-Partit Laburista ma’ dawk in-nies li kien jistħoqqilhom jieħdu lura l-flus tal-VAT li kienu ħallsu fuq il-karozzi ġodda tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista qed jibgħat messaġġ lill-partit fil-gvern, li kapaċi jasal għand ħafna iktar familji bid-deċiżżjoni li ħa li jagħti l-flus misruqa lura tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Tgħid għaġġel il-Partit Nazzjonalista? Tgħid iddeċieda li jimita lill-Partit Laburista meta kien fl-oppożizzjoni? Tgħid qed jadotta l-politika li kien juża Dr Joseph Muscat meta kien Kap tal-Oppożizzjoni? Tgħid se jibdew jaġixxu fuq impuls u jaraw x’se jiġri. Din hija politika li ltqajna magħha mhux darba maħduma mill-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni meta kien qed jaħdem fuq it-twaqqif tal-moviment u jipprepara b’mod strateġiku tajjeb biex jieħdu l-gvern. Dak iż-żmien l-istrateġisti fid-dar tal-ħġieġ ma kienux jaħsbuha darbtejn li jaqbżu fuq kull okkazzjoni li tinħoloq biex jiġbdu l-poplu lejhom. Dik kienet strateġija li ħadmet u ġabru voti bil-gżuż. Il-ħidma mwettqa tat riżultat fenominali, mhux darba imma darbtejn. Tant kellu effett meraviljuż, tant ħakmu liċ-ċittadini taħt idejhom, tant impressjonaw lill-poplu, tant kienu konvinċenti li l-poplu li vvota għalaq għajnejh u tahom il-fiduċja assoluta.

Donnu li l-Partit Nazzjonalista qam mir-raqda perikuluża li ħakmitu. Donnu li peress li mhux kapaċi jibni strateġija hu u jsejħilha tiegħu, se jimita lill-Partit Laburista. Jekk m’għandniex (ideat) naraw kif nagħmlu biex nisirqu (l-ideat) minn għand min għandu. Biss ta’ min jirreferi għall-istorja riċenti tal-Partit Nazzjonalista. Meta bdew ħerġin dawn il-qlajjiet ta’ kontijiet għoljin u bdiet tasal informazzjoni id-Dar Ċentrali, il-kap dak in-nhar, Adrian Delia, ħa deċiżżjoni li din l-istorja trid tiġi studjata sewwa u jekk veru jeżisti s-serq, kien diġa qal u għamilha pubblika li hu kien lest li jagħti l-flus lura lil kull min kien qed jinsteraq. Ma kienx talab għal ebda elenku ta’ nies, għax kien fehem li ma kienx hemm il-bżonn ta’ reġistrazzjoni imma kien neċessarju li kull kont eżistenti fil-pajjiż, jiġifieri kull kont li ħareġ mill-ARMS fl-aħħar snin, kellu jiġi rivedut u mħallas lura lil kull ċittadin dak li kien misruq.

Dak iż-żmien David Agius, Viċi Kap, ġie mogħti dan l-eżerċizzju f’idejh. Kien talab lil min xtaq jagħtih il-kontijiet biex janalizzhom. Kif qal hu stess, minn 1400 kont li analizzat instab 80% minnhom li kien hemm ħlas żejjed. Provi dak in-nhar kien hemm. Imma ma jidhirx li hu biżżejjed illum. Biss il-Partit Nazzjonalista llum ħass li għandu jagħmel stunt ikbar. Ħassu li għandu jagħmel eżerċizzju fir-relazzjonijiet pubbliċi u juri li qed iqum għall-okkazzjoni. Ħass li għandu jmur għand kull votant u jgħidlu li l-Partit Nazzjonalisti għadu jeżisti u li se jimita lill-avversarju politiku tiegħu. Qisna qiegħdin f’xi fażi adoloxxenti li ngħidu lil dak, lil dik, lil wieħed jew lil oħra – ‘what you can do, I can do 100 times better’.

3 thoughts on “Il-Partit Nazzjonalista jimita l-istrateġija li kellu l-Partit Laburista meta kien fl-Oppożizzjoni: jrid l-ismijiet tan-nies milquta bil-kontijiet għoljin biex jagħtihom refund meta jkun fil-Gvern.

  1. Il PN min dejjem kellu habta li lejliet elezzjoni jitfa xi karrotta jew tnejn biex jiprova jisraq il voti. Bil kontra il PL iwieghed u meta jigu afdat but treggija tal pajjiz iwettaq dak li kien wieghed. Ghandna zewg partit fejn il passat hu il meta tal futur bid difference li waqt li l PL iwettaq li wieghed il PN paroli si u fatti no.

  2. Nixtieq nisma l-opinjoni tiegħek dwar il-‘clusters’ tal-PN. Naħseb din ikkupjata minn xi ħaddieħor. Tgħid ‘clusters’ huwa isem redikolu. Anke l-Labour kellu bejtiet tal-‘Mafia’. Jew…kif taħsibha?

Leave a Reply to Charles Vassallo Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *