Where your opinion counts

Il-persuni ta’ fiduċja tal-Gvern u l-ħabi tas-salarji tagħhom mill-ministri tal-gvern

Blog post minn osservatur politiku

Il-Ministri tal-Gvern qed jiddejqu jagħtu informazzjoni dwar dawk kollha li għandhom magħhom bħala nies ta’ fiduċja. Jinħbew li qed jimxu fuq l-istruzzjonijiet maħruġa mis-segretarju permanenti prinċipali. Biss mid-dehra hemm ħafna iżjed moħmi u ma l-impressjoni li qed jagħtu l-istess Ministri hija, li marru oltre mill-istruzzjonijiet magħrufa. Għaliex kieku dawn il-Ministru mxew ma’ dawk l-istruzzjonijet, kelma b’kelma, għalfejn dan il-ħabi kollu? Għalfejn dawn il-misteri kollha? Għalfejn ma jridux jgħidu s-somma finanzjarja li qed jieħu d-dar kull persuna ta’ fiduċja li għandhom?

Kull ma qed jagħmlu dawn il-Ministru hu, li jitfgħu dell ikrah fuqu nfushom u aktar dubju fuq dawn il-persuni ta’ fiduċja. Dawn in-nies suppost ġew magħżula personalment minn Ministri diversi. Dawn ġew magħżula minħabba l-fiduċja għamja li l-Ministru jkollu fihom. Biss illum nibda nemmen li hemm minnhom li ġew imposta minn fuq.

Hija x’inhija l-għażla, dawn in-nies xorta jibqgħu qishom membri taċ-ċivil. Dawn in-nies jaħdmu xogħol li kull ħaddiem taċ-ċivil jista’ jagħmlu. Imma mhux kull ħaddiem f’dan il-qasam għandu l-fiduċja tal-Ministru u huwa tajjeb li jkollu nies madwaru li l-Ministru jista’ jafdhom b’għajnejh magħluqa. Imma ma jistax ikun li dawn in-nies jiġu elevati fuq pedestal speċjali, iżjed mill-ħaddiema taċ-ċivil, sempliċiment għax huma ta’ ġewwa mal-ministru jew, ħafna drabi, għax kienu ħadmulu l-kampanja elettorali tiegħu qabel l-elezzjoni ġenerali. Dan il-ħabi kollu jindika ħaġa waħda, li hemm ringrazzjamenti finanżjarji aktar milli suppost. Jindika wkoll li hemm perkaċċi iżjed milli mistenni. Jindika wkoll li hemm affarijiet iżjed milli wieħed jistenna li jingħata persuna ta’ fiduċja. Imma dawn l-imbierkin Ministri jaħsbu li qed jagħmlu tajjeb li jostru dak li jaqilgħu n-nies ta’ madwarhom? Jaħsbu li qed jitfgħu ndikazzjonijiet retti fuq dawn in-nies?

Kull ma qed jagħmlu huwa li qed jitfgħu dell ikrah fuq il-fiduċja ta’ dawn in-nies, li jqanqlu l-għira ta’ nies oħra f’dipartimenti tal-gvern u anke li n-nies tat-triq jiddubitaw u jdaħħlu flieles f’moħħhom li dawk qed jaqilgħu bagatella tajba, ħafna iżjed minn ħaddieħor.

Mela ħalli nispekulaw la ma jridux jgħidulna l-verita’ kollha. Kull wieħed minnhom għandu paga tajba, bilfors aktar minn impjegat tal-gvern. Dan l-impjegat irid jitħallas tal-fiduċja u talli jgħin lill-istess ministru fis-siegħa tal-bżonn. Ċert li għandu mobile phone għal użu tal-impjieġ tiegħu u għal użu personali. Persważ li għandu wkoll karozza bil-petrol imħallas ħalli jasal fuq il-post tax-xogħol komdu, isib fejn jipparkja u jekk jaqla’ xi ċitazzjoni ma jnaqqas xejn minn dak li jaqla’ għax titħallas mill-ministeru. Kull meta l-karozza jkollha bżonn xi viżta għand il-mekanik titħallas mill-ministeru, bl-insurance mħallsa u koperta sewwa. Tgħid qed ituhom xi allowance għall-ħwejjeġ? Tgħid qed ituhom xi allowance minħabba li l-ħin tagħhom huwa twil jew itwal, jekk hu? Tgħid qed ituhom xi hardship allowance peress li biċċiet minnhom imorru l-parlament mal-ministru kif ukoll jattendu miegħu kull fejn neċessarju? Insomma la ma jridux juru kemm qed jaqilgħu dawn in-nies ta’ fiduċja, il-messaġġ li qed jgħaddulna huwa li tant hemm affarijiet moħbija li qed jiddejqu jikxfu dak li hu għaddej.

Sinjuri ministri, intom titħallsu minn flusna. In-nies ta’ madwarkom jitħallsu minn flusna. Kull ċenteżmu li jieħdu l-ministri u dawk kollha li jaħdmu magħhom huma ħerġin mit-taxxi tagħna. Mela kunu rġiel u nisa, mhux sangisugi, u kunu trasparenti mal-poplu kollu. Għamlu dak li mistenni minnkom, u ma jimpurtaniex jekk jordnalkomx l-Ispeaker jew Mario Cutajar. Intom obligati lejna. Il-poplu poġġikom hemm u dmirkom hu lejn il-poplu. Tidħqux bih iżjed, imma almenu tuh il-fiduċja li ta lilkom meta takom il-vot. Biex iżżommu n-nies ta’ fiduċja madwarkom qed turu sfiduċja sfaċċata ma’ min takom fiduċja bil-vot tiegħu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *