Where your opinion counts

Il-kwistjoni tal-abort: diffiċli li l-mozzjoni tkun diskussa f’din il-leġislatura

Din hija ittra li rċevejt dwar artiklu li tela’ fuq dan is-sit.

Wara li qrajt artiklu f’dan is-sit dwar kif ħadem l-istrateġija tiegħu l-Partit Laburista, irrid bilfors nammetti li l-mod kif ħadem l-istqarrija kien tassew ħafna iżjed għaqli mid-dikjarazzjoni li għamel Dr Bernard Grech waħdu għal Partit Nazzjonalista. Fejnhom dawk l-istrateġisti tant għaqlin u makakki li kellhom il-Partit Nazzjonalista? Kemm kienu għaqlin fil-ħsieb politiku tagħhom li min jaf kemm ħarġu lil Partit Nazzjonalista minn sqaqin mudlama.

Kollox jgħaddi fil-ħajja u llum naraw u nirrejalizzaw li l-istrateġija ġiet ifflaxjata u mormija ma’ ħafna deċiżżjonijiet ħżiena li tefgħu lill-Partit Nazzjonlista mitt sena lura. Il-Partit Laburista wera ħafna iżjed maturita’ politika f’din is-sitwazzjoni ġdida u taħraq li nqalgħet. Il-Partit Laburista rema l-proposta mgħaġġla ta’ Marlene Farrugia imma b’għaqal xorta ta’ l-opportunita għad-diskussjoni fil-pajjiż.

Fl-istess waqt bil-messaġġ tiegħu u bil-ftuħ għad-diskussjoni qatel in-neċessita jew l-għaġġla li forsi kellha f’moħħha Marlene Farrugia biex tpoġġi dan is-suġġett bħala diskussjoni prinċipali qabel l-elezzjoni li ġejja.

Fil-fatt, la ż-żewġ partiti kbar jidhru li se jopponu l-mozzjoni, tidher impossibbli li din il-mozzjoni tersaq għad-diskussjoni fil-parlament f’din il-leġislatura. Kif jgħid il-Malti, il-Partit Laburista lil Marlene Farrugia qatalha l-għatx bil-perżut.

Għadda ż-żmien fejn il-Partit Nazzjonalista kien il-maestro ta’ dawn l-istrateġiji. Illum Dr Bernard Grech minflok jilgħab il-karti b’għaqal spiċċa jiżfen qisu pendlu. Mela, sa kemm rebaħ it-tellieqa u sar kap, qal u xandar li hu lest jiddiskuti l-abort, imma issa għax qiegħed komdu fuq is-siġġu tiegħu, qatel id-diskussjoni ħesrem anke dik interna.

Imma x’inhi r-raġuni għal din l-għaġġla kollha? Jiena naħseb li mhux is-suġġett tal-abort innifsu, imma l-mistħija li waħda appoġġjatha mill-klikka tiegħu li ressqet il-mozzjoni mingħajr ma kkonsultat ma’ ħadd. Hemm iżjed minn hekk. Kieku infetħet id-diskussjoni fl-Eżekuttiv, Bernard Grech u ta’ madwaru kien ikollhom jammettu li Adrian Delia kien għaqli fil-mossa tiegħu meta tefa’ l-barra lil Marlene Farrugia u lil Godfrey Farrugia ftit wara li sar kap. Imma dawn li qed imexxu llum, tant għadhom iffissati fl-iskop tagħhom li jeqirdu għal kollox lil Dr Adrian Delia, li ma jridux jammettu li t-tmexxija tiegħu kienet veru mod ġdid għall-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *