Where your opinion counts

Marlene Farrugia tiftaħ it-triq biex l-abort ikun legalizzat u żżid l-inkwiet għall-Partit Nazzjonalista

Bil-pass li għamlet Marlene Farrugia l-bieraħ fil-Parlament, tefgħet il-ballun f’saqajn iż-żewġ partiti l-kbar biex f’Malta jidħol l-abort. Marlene Farrugia ħadet l-briga biex iġġelled lis-sostenituri tan-Nazzjonalisti u dawk tal-Laburisti mhux kontra xulxin imma kontra tagħhom infushom. Din mossa maħsuba minn Marlene Farrugia, bilqiegħda ħdejn Godfrey Farrugia, biex toħloq inkwiet intern fiż-żewġ partiti l-kbar. Marlene Farrugia taf kif il-Laburisti jaħsbuha fuq l-abort. Ovvju li taf li hemm ħsibijiet differenti fil-Partit Laburista. Taf żgur li jekk il-Partit Laburista jkollu jiddiskutu din il-probabilita’ ta’ liġi, se jkollu ideat differenti fost il-Laburisti.

Imma Marlene taf ukoll li l-Labour jista’ jkollu ftit trikkitrakki fost is-sostenituri tiegħu. Biss hemm differenza kardinali li fl-aħħar, meta id-direzzjoni tal-Partit tagħti s-sinjal, is-sostenituri tal-Partit ikunu, bħal ma kienu dejjem, li jbaxxu rashom u jaċċettaw l-għajta minn fuq.

Marlene Farrugia  taf ukoll kif qed jaħsibha l-Partit Nazzjonalista. Biss taf ukoll fost in-Nazzjonalisti hemm inqas ċans li l-partitarji jħallu lill-Partit Nazzjonalista jimponi fuqhom. In-Nazzjonalisti huma anqas lesti li jbaxxu rashom għal dak li jimponu fuqhom il-kap tal-partit jew l-amministrazzjoni.

Bil-Partit Laburista fil-Gvern, Marlene Farrugia taf li tista’ toħloq xi ftit disgwid saħansitra fil-kabinet ta’ Robert Abela imma taf iżjed li din id-diskussjoni tista’ tiftaħ aktar feriti fil-Partit Nazzjonalista.

Jekk wieħed iħares lejn l-irtirar tal-kandidatura tagħha, Tiffany Abela-Wadge, tinduna mill-ewwel għal mod kif tkellmet din l-istess ex-kandidat, li tat x’wieħed jifhem li dan huwa wieħed mis-suġġetti jaħarqu fil-Partit Nazzjonalista.

Issa l-Partit Nazzjonalista qed ibati l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet ħżiena li ħa Dr Simon Busuttil. Busuttil kien ra sa mnieħru. Kont kritiku qawwi meta fetaħ il-Partit għal-liberalizmu u żmien qed jagħtini raġun. Dan hu dak li jiġri meta kap ta’ partit jitħalla jitmexxa minn mnieħru.

Issa Busuttil telaq. Biss id-deċizzjoni ta’ Marlene Farrugia ser titfa’ lill-Partit Nazzjonalista f’baħar ta’ inkwiet lejlet elezzjoni ġenerali. Jiena m’inhiex ser noqgħod indur mal-lewża. Għalija dik kienet deċiżjoni ħażina u llum f’Malta u f’Għawdex inxteħet sinjal li jista’ jwassal għal ċertu tip ta’ inkwiet.

Jiena persważ li dak li għamlet Marlene Farrugia llum, għalkemm għaliha jista’ jfisser li veru temmen f’dan il-pass, jista’ jkollu effetti diżastrużi fuq il-Partit Nazzjonalista. Ma nistax naħseb jew nimmaġina, x’għandha f’moħħha Marlene Farrugia għall-futur tagħha fil-politika. Il-mistoqsija tiġi waħidha. Sejra mal-Volt.

Żgur li din qegħdet lil Godfrey Farrugia f’pożizzjoni antipatika ħafna għaliex hu kien jitkellem ħafna kontra l-abort. Forsi huwa jista’ jargument li qed ifittex biss li jkun dekriminalizzat. Biss jekk jiġi dekriminalizzat, ifisser li jista’ jsir.

Naf li b’dak li ressqet illum fil-Parlament żgur li se jibda diskussjoni taħraq fil-pajjiż. Taf li għandha min jista’ jissekondaha.  

Kien iż-żmien ideali għal dan il-pass? Jekk Marlene Farrugia ħierġa mal-Volt iwa. Jekk le, diskors ieħor. Imma f’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena persważ li l-Partit Nazzjonalista, minħabba dak kollu li għaddej minnu internament, ma jistax jaffordja li jkollu din id-diskussjoni li tista’ tkompli toħloq aktar diviżżjonijiet fl-istess Partit.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *