Where your opinion counts

Is-surveys tal-lum juru li l-aġenda politika tal-PN ħsara biss qed iġġib lill-Partit Nazzjonalista

Illum kien hemm żewġ surveys, wieħed fil-Malta Today u l-ieħor fit-Torċa. Dawn iż-żewġ surveys qablu bejnithom u b’hekk ser inkun qed nittrattahom bħala wieħed. Meta jsir survey jew surveys f’dan il-każ, dejjem jingħad li dawn huma snap shot ta’ dik il-ġimgħa li matulha jkunu saru. Hekk hu. Issa dak li ħareġ minn dawn is-surveys ma hu xejn feliċi għall-Partit Nazzjonalista.

Meta partit politiku jkollu, survey wara survey, li fih jibqa’ jidher distakk li mhux qed jonqos, dan il-Partit politiku jrid almenu tipprova jirrejalizza li l-istrateġija li qed juża mhux qed taħdem. Ejja niftakru li dawn is-surveys saru f’dik il-ġimgħa li forsi wieħed irid jikkonsideraha bħala waħda mill-agħar ġimgħat li qatt għadda minnhom il-Partit Laburista kemm ilu fil-gvern. Din kienet il-ġimgħa li tatna aħbarijiet, speċjalment mill-qorti, li minħabba f’hekk kien mistenni li l-Partit Laburista suppost kellu jieħu l-ikbar tisbita fin-numri tas-surveys li ħareġ illum. Dan ma sarx. Mela x’qed jindika dan is-survey speċjalment għall-Partit Nazzjonalista?

Għalija dawn is-surveys ifissru ħaġa waħda. Jekk mingħalih il-Partit Nazzjonalista ser jirbaħ l-elezzjoni, grazzi għall-iżbalji għall-Partit fil-Gvern, għandu żball kbir ħafna. Illum is-surveys urewna b’mod ċar ħafna li f’ġimgħa tant kerha d-daqqa fuq il-vot Laburista kienet minima. Mela x’hemm ġdid f’dan is-survey? Il-Partit Nazzjonalista kellu bżonn jibda jitgħallem, li billi jaħli kull ħin preżentat lilu fuq kull medja possibbli billi jattakka b’mod sfrenat u kontinwu l-atti jew l-għemejjel tal-gvern, ma hu ser jasal imkien.

Il-Partit Nazzjonalista nispera li jifhem li l-votant qed jibagħtlu messaġġ ċar ħafna li mhux ser jakkwista voti bil-kritika distruttiva lejn il-partit fil-gvern. Wasal iż-żmien li din il-kritika tingħata l-importanza li jixirqila, imma mhux li tiekol il-perċentwali massimu tal-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista. Il-poplu jaf minn x’hiex għaddej il-pajjiż. Il-poplu jaf x’qed jagħmel il-Partit fil-Gvern. Imma żgur li għadu ma jafx x’qed joffrilu l-Partit fl-Oppożizzjoni. Mela fejn hi l-għażla bejn il-fatti u l-azzjonijiet tal-gvern u l-viżjoni tal-partit fl-oppożizzjoni?

Jidher ukoll ċar minn dawn is-surveys tal-lum li l-Partit Nazzjonalista għadu mhux qed jattira lura dawk l-eluf li fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali taw il-vot tagħhom lill-Partit Laburista. Jidher li l-Partit Nazzjonalista qed juża strateġija, kif diġa għidt, fuq korruzzjoni. Donnu nesa li fl-2017, il-Partit Nazzjonalista sofra telfa storika għax iddedika kampanja sħiħa fuq il-korruzzjoni u għal dak li kienet tiddettalu Daphne Caruana Galizia. Il-Partit Nazzjonalista ħaseb li billi ser jirkeb il-karru ta’ Daphne Caruana Galizia ser jerbaħ l-elezzjoni. Dawn is-surveys qed juru biċ-ċar li din mhix ser tiġri. Anzi Daphne Caruana Galizia spiċċat mażżra m’għonq il-Partit Nazzjonalista.

Fl-opinjoni tiegħi, il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel eżami sinċier tal-kuxjenza u jifhem li l-istrateġija adottata bħalissa mhux qed takkwistalu riżultati. Daphne Caruana Galizia mhux ser trebbħu elezzjoni. Mela s-surveys tal-lum qed jibagħtu messaġġ ċar. Nittama u nispera li jsir studju intern li jgħin biex il-Partit Nazzjonalsita joħroġ bi strateġija totalment differenti ħalli tassew f’dan il-pajjiż, l-elettorat ikun jista’ jikkonsidera lill-partit fl-oppożizzjoni bħala partit alternattiv.

Is-survey tal-lum qed juri biċ-ċar lill-Partit Nazzjonalista, li għalkemm il-Partit Laburista qiegħed fit-tieni leġislatura tiegħu u għadda minn dawn l-iskandli kollha, il-poplu għadu jqis lill-Partit Nazzjonalista bħala li mhux ippreparat biex jiggverna. Għall-kuntrarju l-Partit Laburista, għalkemm għandu biex jinkwieta, mhux qiegħed f’sitwazzjoni diżastruża daqstant. Dan qed ngħidu għax għalkemm kienet ġimgħa iebsa ħafna għalih, xorta t-tnaqqis li bata kien minimu.

Mela t-triq il-quddiem għall-Partit Laburista hija ħafna eħfef minn dik tal-Partit Nazzjonalista. It-tajjeb tas-survey huwa li qed jiġbed widnejn iż-żewġ partiti u jikxfilhom għawwarhom mhux ħażin.

J’Alla ż-żewġ partiti janalizzaw tajjeb dan is-survey u jikkonsidraw jaħdmu aħjar u dan nixtiequ għax ir-rebbieħ ta’ dan kollu jkun biss il-poplu Malti u Għawdxi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *