Where your opinion counts

Fil-politika, l-inġustizzja ssoffrieha anki mill-partit tiegħek stess

Blog post minn osservatur politiku

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, qal li l-Prim Ministru Abela “mhuwiex interessat jaħdem miegħi u ma’ nies bħali.” Din kienet parti minn risposta twila li tella’ fuq Facebook Camilleri għax qal li Prim Ministru Abela semmieh waqt intervista li kellu. Camilleri attakka lill-Prim Ministru u anki lill-ONE TV.

Camilleri kompla li l-iżbalji li saru u qed isiru mhumiex żbalji ta’ erba’ individwi, imma saret mod ta’ kif tħaddem il-politika f’Malta. Hu sejjaħ din bħala rent-seeking li tfisser il-mod kif timmanipula l-politika pubblika jew il-kundizzjonijiet ekonomiċi bħala strateġija biex iżżid il-profit personali. Huwa qal ukoll li prattikament għandna ħafna korruzzjoni. Camilleri żied li Joseph Muscat daħħal ħafna konsulenti bħal Musumeci, li kien dejjem ivvota PN. Stqarr ukoll li ma hemm xejn ħażin li tibdel il-fehma tiegħek (bħal ma għamel Musumeci) imma jikkontendi li dan u oħrajn bħalu daħlu mal-PL biex jakkwistaw għalihom u mhux għax għorrief. Semma’ wkoll lill-kuntratturi li fuq l-esiġenzi tagħhom qed tinbena l-ekonomija, sempliċiment għax jagħtu l-flus lill-partiti politiċi. Imma forsi l-aktar sentenza fil-kitba tiegħu li qanqlet risposta iebsa hija “Il-PL kuntent bil-fossa li sar mill-ONE fejn it-tidwir u l-falsita’ jiġu repetuti kull ġurnata mqaddsa”.

Din donnha offendiet sew lil Jason Micallef li rrisponda lil Camilleri u anke waqa’ fuq livell personali. Micallef qal li ħadd ma għandu jieħu bis-serjeta’ lil Mark Camilleri li kien ammetta li hu sakranazz. Biss Jason Micallef ma waqafx hawn. Kompla jgħid li Camilleri “jagħti fastidju lin-nies fit-triq bħalma għamel sal-ġimgħa l-oħra stess”. Imbagħad flok illimita ruħu fuq kwistjoni interna fil-partit tiegħu, ħareġ jattakka lin-NET li rrapurtaw x’qal Camilleri bħala aħbar ewlenija.

Jason Micallef kellu ħafna kummenti fuq il-Facebook post tiegħu. Laqatni wieħed miktub minn ċertu Mr. Ellul. Forsi tajjeb li Jason Micallef jaqra sew din it-tbeżbiża li waslitlu minn Mr Ellul. Dan ir-raġel ikkummentalu hekk lil Jason Micallef

“…taf li ħafna nies qed iħallu l-partit, ibda minni, u bħal ma’ taf int naħseb li jaf ukoll il-partit u ma jsir assolutament xejn! Ħafna Laburisti ġenwini qed jitilqu l-partit. Għaliex? Għax imweġġgħin u minsijin. Jien soffrejt inġustizzja u vendikazzjonijiet minn Laburisti stess. Meta mort inħabbat il-bibien ħadd ma fetaħli, anzi, kienu (mhux kollha, għalkemm ma sibtx għajnuna mingħand ħadd) konfoffa ma’ min għamilli l-vendikazzjonijiet. Daqs kemm kont inħobbu sirt nistmerru l-PL. Ma sirtx Nazzjonalist ta, għax jien għandi l-prinċipji tiegħi, imma issa meta jiġu jħabbtuli ma niftaħx jien! It takes two to tango. Saħħa”.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *