Where your opinion counts

Bernard Grech għadu fiċ-ċans li jsalva lill-partit: biss irid jieqaf jattakka n-nies u jaffronta l-problemi

Minn Osservatur politiku

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kellu bżonn jibda jixtgħar qabel jitkellem għax jekk ser ikompli sejjer hekk ħa jkompli jitlef nies li minn dejjem kienu jħaddnu twemmin Nazzjonalista. Dan l-aħħar qal affarijet li meta tirrifletti fuqhom tgħid imma dan jaqbad u jitkellem verament mingħajr ma jqis il-messaġġ li jkun qed iwassal.

Il-kaċċaturi

Grech qal li hu ma’ jistgħax iħoss dak li jħossu l-kaċċaturi għax hu mhux kaċċatur. Hawn ħafna li mhumiex kaċċaturi imma xorta jissimpatizzaw magħhom. Hawn oħrajn li l-qtil tal-għasafar iweġġagħhom. Ma naħsibx li hemm għalfejn tkun kaċċatur biex tifhem il-weġgħa tal-kaċċaturi. Jekk m’għandux in-namra tal-kaċċa qal li għandu namra ta’ affarijiet oħra. Allura ma jistgħax għal-lanqas jimmaġina dak li qed iħossu l-kaċċaturi.

Jista’ jagħmel sforz biex juri li jifhimhom u jaqsam magħhom il-ħsibijiet tiegħu. Billi qallilhom li ma jifhimhomx x’rebaħ. Il-kaċċaturi qalu, mela dan m’għandniex għalfejn nitkellmu miegħu la ma jifhimnix.

Nistgħu nippermettu li l-Kap tal-Partit jitkellem b’dan il-mod kiesaħ u biered fuq daqstant nies. Hekk sewwa mela jkeċċihom ‘l hemm. Qal xi ħaġa oħra li wkoll irid joqgħod ħafna attent kif jgħidha.

Id-Direttur tal-Ħabs

Dr Grech qal li kif jitla’ fil-Gvern ser ikeċċi lid-Direttur tal-Ħabs minħabba xi ħaġa li kiteb. Dan x’diskors hu? Imma ma jirrealizzax x’messaġġ qed jgħaddi? Dan huwa Kap ta’ Dipartiment tal-Gvern. Jaf li hemm ħafna iżjed diretturi, kapijiet u postijiet importanti oħra fiċ-Ċivil. Dan jista’ jitfa’ a sweeping statement bħal dan? Allura issa jfisser li kull min, fl-opinjoni tiegħu, jagħmel xi ħaġa li lilu ma tgħoġbux, qed jgħidlu li jista’ jitfaċċa tkeċċija?

Imma dan messaġġ pożittiv li int qed tibgħat lil ħafna nies li jkollhom jieħdu deċiżżjonijet biex jerfgħu r-responsabilita’ tal-pożizzjoni tagħhom? Imma dan qed tgħidu biex mingħalik tibgħat xi messaġġ li int politiku li tieħu d-deċiżżjonijiet?

Ma kienx ikun aħjar li tgħid, li meta titla’ fil-gvern, tibgħat għall-persuna msemmija u jekk ma jagħtikx spjegazzjoni konvinċenti dwar għemilu dak l-istess persuna jitressaq quddiem l-awtoritajiet dixxiplinarji pertinenti. Hemm diversi modi kif twassal messaġġ. Imma hemm bżonn li Dr Grech iwasslu mingħajr ma jkun drastiku.

Il-konfużjoni fil-Partit tiegħu stess

Fl-indirizz tiegħu fil-Belt Valletta laqatni kumment ieħor li ta’ min jirrifletti fuqu. Dr Grech qal li l-Partit Laburista kellu ġimgħa ta’ konfuzzjoni. Dan nesa minn dak li għadda minnu fil-ġranet ta’ qabel il-Partit tiegħu stess.

Kellu disgħa min-nies li irtiraw il-kandidatura tagħhom minn kandidati għall-kumitat ta’ Tas-Sliema, kellu sit membri tal-kumitat ta’ Bormla li rriżenjaw u kellu tgħaffiġa gravi amministrattiva li waqfet l-elezzjoni tal-kumitat ta’ Ħal Qormi. Hawn min jara l-fraka f’għajn ħaddieħor u ma jarax it-travu f’għajnejh.

Fuq dak li ġara Dr Grech u l-amministrazzjoni m’għandhomx għax ikunu kuntenti. Meta jiftaħar li hu kien avukat medjatur bejn diversi koppji, bagħat messaġġ li hu espert fil-medjazzjoni. Dan huwa Kap li fi ftit siegħat tilef ħmistax-il membru f’kumitati li kienu lesti li joffru ħinhom għall-Partit u waqt id-diskors tiegħu lanqas biss għamel referenza għalihom.

Meta kien jaf li s-sitwazzjoni ta’ Tas-Sliema qed titħammeġ ma kellu lil ħadd jgħidlu biex jagħmel l-unika ħaġa loġika u jibgħat għan-nies involuti u jara, permeżż ta’ medjazzjoni, kif seta’ jsib soluzzjoni. Jekk din mhix il-politika tiegħu, il-votanti Nazzjonalisti għandhom għalfejn jibdew jinkwitaw. Jekk ta’ madwaru ma qalulux x’kien għaddej jista’ jeħles minnhom għax għandhom nuqqas ta’ effiċjenza kbira. Dr Grech meta jkollok il-problemi fid-Dar politika tiegħek int trid tara li jiġu ffaċċjati. Int trid tkun li ssib is-soluzzjoni la ta’ madwarek qiegħdin hemm għall-affarijiet sekondarji u mhux dawk importanti.

Ħa nagħti parir, “for what is worth”. Dr Grech għadek fil-ħin biex issib is-soluzzjonijiet u tiġbed warajk lil min irid jaħdem għall-Partit. Imma ma tistgħax tħalli ħafna żmien jgħaddi, għax jiġrilek li min jorqod ma jaqbadx ħut.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *