Where your opinion counts

Dak li qed tagħmel Miriam Dalli jikxef kemm ma kien sar xejn f’dak li hu distribuzzjoni tal-elettriku

Minn osservatur politiku

Il-Ministru Miriam Dalli tinsab determinata li ma tarax lill-pajjiż jerġa’ jgħaddi minn dak l-istraġi li esperjenzajna s-sajf li għadda meta partijiet kbar minn Malta kienu qed jispiċċaw bla dawl għal tul ta’ żmien. Ma tistax ma tammirax il-ħeġġa tal-Ministru biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni li tant intlaqtet ħażin fis-sajf li għadda.

Imma l-istess ħeġġa tal-Ministru tal-ġurnata tikxef b’mod mill-aktar skjett in-nuqqas tal-Ministri li kienu hemm qabilha. Qed turi li kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern ma kienx hemm priorita’ fl-analiżi tas-sitwazzjoni tal-enerġija. Biex tkompli tgħaxxaqha l-istess Gvern f’dawn l-aħħar għaxar snin żied il-popolazzjoni bil-fuq minn 100,000 ruħ. U sfortunatament dan il-Gvern ma ħasibx għal infrastruttura adegwata u mistennija.

Mela dak li esperjenzajna s-sajf li għadda ma waqax mis-sema imma kien riżultat ta’ nuqqas ta’ pjan min-naħa tat-tmexxija. Xi ħadd irid jaħseb għal meta d-domanda għall-enerġija togħla f’daqqa bħal ma ġara s-sena l-oħra. Għalhekk l-awtoritajiet kienu qalulna li d-distribuzzjoni ma laħqetx mad-domanda. U għalhekk issa qed naraw lill-Ministru Dalli tħaffef il-pass biex pajjiżna ikun armat ħafna aħjar milli kien is-sena l-oħra.

Qisha l-Ministru qed tipprova ssalva s-sitwazzjoni billi twettaq xogħol fuq perjodu ta’ ftit xhur u tinsa li f’dawn l-aħħar għaxar snin ma kien sar assolutament xejn. Qed naraw kilometri ta’ xogħol fuq cables tad-dawl li qatt ma rajna bħalu. Qed naraw kif qed jinħolqu ħafna iktar substations u qed naraw ukoll tibdil ta’ apparat li jkun jista’ jlaħħaq aħjar mad-domanda.

Imma dan ix-xogħol kollu qed ikollu effett qawwi fuq partijiet kbar ta’ Malta u Għawdex. Ħafna toroq qed jinqalgħu biex naraw il-grid elettroniku jiġi mtejjeb. Ma nistgħux ma nikkummentawx li dan ix-xogħol kollu qed ikollu effett fuq it-traffiku f’pajjiżna. Toroq alternattivi hija l-istorja ta’ kuljum li jiltaqgħu magħhom is-sewwieqa. Sfortunatament qed jinħoloq chaos qawwi fit-toroq tagħna.

Toroq li għadhom kif ingħataw it-tarmak qed jerġgħu jinqalgħu biex minnhom jgħaddu l-cables tad-dawl. Dan jirrifletti nuqqas ta’ ippjanar għaliex it-tisħiħ tal-grid tal-enerġija kien abbandunat għal snin sħaħ. Ma tistax ma tammettix li l-Gvern Laburista kien għamel ħiltu kollha biex ikollna provista biżżejjed ta’ elettriku imma dejjem naqas li jsaħħaħ id-distribuzzjoni fil-pajjiż.

Biss wieħed irid jgħid ukoll li anke il-provista tal-enerġija qed tinkwieta lill-Gvern b’tali mod li ordna żewġ generators kbar ħalli jsaħħaħ il-provista. Nafu wkoll li dawn ser ikunu qed jaħdmu għal żmien limitat matul dawn is-sentejn li ġejjien sa meta jitwassal f’Malta l-interconnector il-ġdid.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *