Id-Dejn tal-Lum, il-Piż ta’ Għada

Minn Osservatur Politiku
Meta nitkellmu dwar id-dejn pubbliku, ħafna drabi nħarsu lejn iċ-ċifra tal-lum u nistaqsu jekk hijiex sostenibbli. Imma hemm mistoqsija oħra, forsi aktar importanti: min se jħallas il-prezz tad-deċiżjonijiet li qed nieħdu llum?
Id-dejn tal-Gvern mhuwiex sempliċement numru f’rapport finanzjarju. Huwa obbligu li jibqa’ jeżisti wara li jgħaddi Budget, wara li jinbidel Gvern u anke wara li dawk li jkunu ħadu d-deċiżjonijiet ikunu telqu mix-xena politika. Għalhekk, kull darba li pajjiż jissellef, għandu jistaqsi mhux biss x’qed jiffinanzja llum, iżda x’se jħalli lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada.
Malta, bħall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, għandha dejn pubbliku. Li pajjiż ikollu d-dejn mhux, fih innifsu, sinjal ta’ falliment. Id-dejn jista’ jkun għodda importanti biex pajjiż jinvesti f’infrastruttura, edukazzjoni, saħħa, enerġija jew proġetti li joħolqu valur għal ħafna snin. Il-problema tibda meta d-dejn jintuża mhux biex jinħoloq assi jew kapaċita’ ġdida, iżda biex jiffinanzja nefqa li tispiċċa malajr.
Hawnhekk tinsab id-differenza bejn self li jista’ jkun investiment u self li jsir piż. Jekk nissellef biex nibni infrastruttura li sservi lill-pajjiż għal għexieren ta’ snin, il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu qed igawdu wkoll minn dak l-investiment. Jekk, min-naħa l-oħra, nissellef biex inżomm nefqa rikorrenti għaddejja mingħajr ma nżid il-kapaċita’ ekonomika tal-pajjiż, dawk li jiġu warajna jistgħu jsibu ruħhom iħallsu għal deċiżjonijiet li minnhom ma jibqgħux jiksbu l-istess benefiċċju. Din hija kwistjoni ta’ ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet.
Il-politika ekonomika ma tistax tkun limitata għall-perjodu bejn Budget u Budget. Gvern għandu jaħseb ukoll dwar il-pajjiż li se jgħaddi lil uliedna u lin-neputijiet tagħna.
Meta d-dejn jiżdied, jiżdied ukoll il-piż tal-imgħax. U kull euro li jintefaq biex jitħallas imgħax huwa euro li ma jistax jintefaq fuq prijorita’ oħra. Jista’ jfisser inqas flus għal skejjel, sptarijiet, infrastruttura, trasport jew investiment li jsaħħaħ l-ekonomija. Dan ma jfissirx li kull żieda fid-dejn hija ħażina. Ifisser li rridu nkunu aktar għaqlin dwar għaliex qed nissellef.
L-ewwel mistoqsija għandha tkun: x’qed niksbu għal dak li qed nissellfu? Din hija mistoqsija li għandha ssir dwar kull forma ta’ nefqa pubblika, iżda ssir aktar importanti meta l-flus ikunu ġejjin minn self. Għax meta nonfqu dħul li diġa’ ġabar il-Gvern, inkunu qed nużaw riżorsa tal-lum. Meta nissellef, inkunu qed nagħmlu impenn għall-futur. Għalhekk il-kwalita’ tan-nefqa hija importanti daqs il-kwantita’ tagħha.
Gvern jista’ jgħid li qed jinvesti biljuni. Iżda l-investiment ma jitkejjilx biss bl-ammont ta’ flus li jintefaq. Għandu jitkejjel bir-riżultat. Jekk proġett idum snin biex jitlesta, jiswa ħafna aktar milli kien ippjanat u ma jilħaqx l-għanijiet tiegħu, id-dejn li jkun intuża biex jiffinanzjah jibqa’ hemm anke jekk il-benefiċċju ma jseħħx kif mistenni.
Bl-istess mod, jekk il-Gvern jissellef biex ikopri ineffiċjenzi, ħela jew programmi li ma jkunux evalwati sew, il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu qed iħallsu mhux biss id-dejn, iżda wkoll l-ispiża tal-opportunita’ mitlufa. Għax kull euro li jintefaq ħażin huwa euro li ma setax jintuża aħjar.
Hawnhekk tidħol ir-responsabbilta’ politika. Gvernijiet eletti għandhom mandat demokratiku biex jieħdu deċiżjonijiet. Iżda l-mandat demokratiku ma jfissirx li jistgħu jinjoraw l-impatt fit-tul tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-fatt li politika tista’ tkun popolari llum ma jfissirx li hija sostenibbli għada.
Politiku responsabbli għandu jkun lest jistaqsi mistoqsijiet li forsi ma jkunux popolari: Din in-nefqa se tibqa’ sostenibbli? Kemm se tiswa fuq għaxar snin? X’jiġri jekk it-tkabbir ekonomiku jonqos? X’jiġri jekk ir-rati tal-imgħax jogħlew? X’jiġri jekk id-dħul tal-Gvern jonqos? Dawn mhumiex mistoqsijiet pessimisti. Huma mistoqsijiet ta’ prudenza. U Malta għandha bżonn aktar minn qatt qabel din il-kultura ta’ prudenza.
Qed ngħixu f’pajjiż li qed jinbidel malajr. Il-popolazzjoni kibret b’mod sinifikanti. Il-ħtiġijiet tas-saħħa qed jinbidlu. Is-soċjeta’ qed tixjieħ. L-infrastruttura teħtieġ investiment. It-trasport u l-enerġija qed jiffaċċjaw sfidi kbar. Fl-istess waqt, id-dinja qed tgħaddi minn trasformazzjoni teknoloġika u ekonomika li se titlob investiment ġdid.
Dawn kollha jfissru li l-Gvernijiet tal-futur se jkollhom bżonn riżorsi. Jekk illum nonfqu mingħajr dixxiplina, inkunu qed innaqqsu l-ispazju li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dawk li jiġu warajna.
Dan huwa wieħed mill-akbar riskji tad-dejn eċċessiv: mhux biss kemm għandna nħallsu, iżda kemm ikollna inqas liberta’ biex nieħdu deċiżjonijiet fil-futur.
Pajjiż b’finanzi pubbliċi b’saħħithom jista’ jirrispondi għal kriżi. Jista’ jinvesti meta jkun hemm bżonn. Jista’ jgħin lill-familji u lin-negozji f’mument diffiċli. Jista’ jindirizza emerġenza mingħajr ma jkollu bżonn jissellef b’mod massiv. Pajjiż li jkun diġa’ mgħobbi b’obbligi għandu ħafna inqas għażliet.
Din hija r-raġuni għaliex il-konsolidazzjoni fiskali m’għandhiex titqies bħala eżerċizzju ta’ numri. Hija kwistjoni ta’ sovranita’ ekonomika. Hija l-kapaċita’ ta’ pajjiż li jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu mingħajr ma jkun kostrett minn obbligi li nħolqu snin qabel.
Il-ġenerazzjonijiet futuri ma għandhomx vuċi fil-Parlament illum. Ma jistgħux jivvutaw kontra Budget. Ma jistgħux jopponu proġett. Ma jistgħux jitolbu spjegazzjoni lil Ministru dwar deċiżjoni li ttieħdet qabel twieldu. Imma se jkollhom iħallsu l-konsegwenzi.
Għalhekk irridu nitkellmu dwar id-dejn bħala kwistjoni ta’ responsabbilta’ interġenerazzjonali. Dan ma jfissirx li għandna nieqfu ninvestu. Għall-kuntrarju. Għandna ninvestu aktar, iżda b’mod aktar intelliġenti. Għandna nissellfu fejn is-self joħloq assi, produttivita’ u opportunitajiet ġodda. Għandna nkunu aktar stretti fejn qed niffinanzjaw nefqa li ma toħloqx valur fit-tul. U fuq kollox, għandna nkejlu r-riżultati.
Kull Gvern għandu jkun kapaċi jgħid mhux biss kemm nefaq, iżda x’ħoloq. Kemm żdiedet il-produttivita’? Kemm tjiebet il-kwalita’ tas-servizz? Kemm inħolqu opportunitajiet ġodda? Kemm se jdum il-benefiċċju tal-investiment? Dawn huma l-mistoqsijiet li jħarsu lil hinn miċ-ċiklu elettorali.
Għax id-dejn mhuwiex biss kwistjoni ta’ flus. Huwa kwistjoni ta’ fiduċja. Meta nieħdu deċiżjoni finanzjarja llum, inkunu qed nieħdu deċiżjoni f’isem ukoll dawk li għadhom ma jistgħux jitkellmu.
Għalhekk għandna dmir li ma nħallulhomx biss kontijiet x’jitħallsu. Għandna nħallulhom pajjiż aktar produttiv, infrastruttura aħjar, istituzzjonijiet aktar b’saħħithom u ekonomija li kapaċi toħloq il-ġid meħtieġ biex tħallas l-obbligi tagħha. Il-ġenerazzjonijiet futuri m’għandhomx ikunu l-bank li minnu nissellfu llum mingħajr ma naħsbu dwar għada.
Il-veru suċċess ekonomiku mhuwiex li nistgħu nonfqu aktar illum. Huwa li nkunu nistgħu ngħidu li dak li qed nonfqu llum qed jagħmel il-ħajja ta’ dawk ta’ għada aħjar. Dak għandu jkun il-kejl tal-vera responsabbilta’ fil-finanzi pubbliċi.
