Il-Poplu Qed Jgħix Aħjar?

Minn Osservatur Politiku

Kull tant żmien nisimgħu b’ċifri li juru kemm l-ekonomija kibret, kemm żdied l-impjieg jew kemm il-pajjiż għamel progress. Dawn huma indikaturi importanti u ma jistax jiċħadhom ħadd. Iżda hemm mistoqsija oħra li forsi hija saħansitra aktar importanti: il-poplu qed jgħix aħjar? Din mhijiex l-istess mistoqsija.

Ekonomija tista’ tikber mingħajr ma l-kwalita’ tal-ħajja titjieb bl-istess pass. Fil-fatt, hemm pajjiżi li għandhom dħul għoli ħafna iżda ċ-ċittadini tagħhom iħossuhom stressati, waħedhom u nieqsa mill-ħin. Min-naħa l-oħra, hemm komunitajiet li forsi mhumiex fost l-aktar sinjuri, iżda n-nies jgħixu b’aktar serenita’, aktar sigurta’ u aktar sodisfazzjon.
Dan iwassalna biex nistaqsu: x’inhi verament il-kwalita’ tal-ħajja?

Mhijiex kelma waħda u lanqas tista’ titkejjel b’ċifra waħda. Hija taħlita ta’ ħafna fatturi li flimkien jagħmlu l-ħajja ta’ persuna aktar sħiħa u aktar dinjituża.

L-ewwel wieħed huwa s-saħħa. Mingħajr saħħa, ħafna mill-affarijiet l-oħra jitilfu t-tifsira tagħhom. Persuna tista’ jkollha xogħol tajjeb, dar sabiħa u dħul komdu, iżda jekk tkun qed tgħix b’mard jew bi problemi serji ta’ saħħa mentali, il-kwalita’ tal-ħajja tagħha tkun inevitabbilment milquta. Għalhekk, meta nitkellmu dwar il-progress ta’ pajjiż, irridu nħarsu wkoll lejn kemm il-poplu qed jgħix b’saħħtu u mhux biss kemm qed jgħix fit-tul.

It-tieni element huwa l-ħin. Il-ħin sar wieħed mill-aktar affarijiet rari fil-ħajja moderna. Ħafna nies iqattgħu sigħat twal jaħdmu, jivvjaġġaw fit-traffiku u jlaħħqu mal-impenji. Meta jaslu d-dar, iħossuhom għajjenin wisq biex igawdu lill-familja jew jagħmlu dak li verament jagħtihom sodisfazzjon.
Jekk persuna għandha dħul tajjeb iżda qatt ma jkollha ħin tgawdih, nistgħu ngħidu li għandha kwalita’ tal-ħajja għolja? Il-ħin huwa ġid li ma jistax jinxtara lura.

Element ieħor huwa l-ambjent li ngħixu fih. Arja nadifa, baħar nadif, parks, spazji miftuħa u toroq organizzati mhumiex lussu. Huma parti mill-benesseri tagħna. Meta l-ambjent jiddeterjora, il-kwalita’ tal-ħajja tonqos magħha.
L-istess japplika għat-traffiku. Sigħat twal fit-triq mhumiex biss inkonvenjent. Huma ħin mitluf mal-familja, mal-ħbieb jew mal-mistrieħ. Huma wkoll sors ta’ stress li jaffettwa kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali.

Il-kwalita’ tal-ħajja tiddependi wkoll mis-sigurta’. Persuna trid tħoss li tista’ timxi fit-triq mingħajr biża’, li wliedha jistgħu jilagħbu fil-paċi u li l-komunita’ tagħha hija waħda fejn in-nies jafdaw lil xulxin. Meta tonqos il-fiduċja fis-soċjeta’, tonqos ukoll il-kwalita’ tal-ħajja.

Imbagħad hemm il-familja. F’ħafna studji internazzjonali, ir-relazzjonijiet personali huma fost l-aktar fatturi li jikkontribwixxu għall-kuntentizza. Il-ħin mal-familja, il-ħbiberiji sinċieri u komunita’ magħquda għandhom valur li ma jistax jitkejjel bil-flus.

Madankollu, il-pass tal-ħajja qed jagħmilha dejjem aktar diffiċli biex insibu dak il-ħin. Paradossalment, għandna aktar mezzi ta’ komunikazzjoni minn qatt qabel, iżda ħafna jħossuhom aktar waħedhom minn qabel.

Il-kwalita’ tal-ħajja hija wkoll marbuta mal-opportunitajiet. Żagħżugħ għandu jħoss li jista’ jibni futur f’pajjiżu. Il-Gvern għandu jkompli jgħin lil familji ħalli jkunu jistgħu jixtri djar mingħajr ma jidħlu f’dejn insostenibbli. Persuna għandha tkun tista’ ssib xogħol li jagħtiha dinjita’ u mhux biss paga. Il-Gvern għandu jara li dawn l-opportunitajiet ma jonqsux.

Naturalment, il-flus għandhom rwol importanti. Huwa faċli tgħid li l-flus ma jġibux il-kuntentizza. Min qed ibati biex iħallas il-kontijiet jaf li r-realta’ hija aktar kumplessa. Il-faqar u l-inċertezza finanzjarja joħolqu stress enormi. Għalhekk ekonomija b’saħħitha hija essenzjali.

Iżda wara ċertu livell, aktar flus mhux bilfors ifissru aktar kuntentizza. Hemm affarijiet li l-flus ma jistgħux jixtru. Ma jistgħux jixtru ħin. Ma jistgħux jixtru saħħa. Ma jistgħux jixtru paċi tal-moħħ. Ma jistgħux jixtru relazzjonijiet veri.
Dan huwa għaliex ħafna pajjiżi bdew jitkellmu dwar il-benesseri nazzjonali u mhux biss dwar il-Prodott Gross Domestiku. Il-GDP jgħidilna kemm tipproduċi ekonomija. Ma jgħidilniex kemm huma kuntenti n-nies. Ma jgħidilniex kemm huma stressati. Ma jgħidilniex kemm għandhom ħin mal-familja jew jekk iħossuhomx siguri fil-komunita’ tagħhom.

Għalhekk illum il-kwalita’ tal-ħajja qed issir kejl dejjem aktar importanti tas-suċċess ta’ pajjiż. F’Malta, din hija diskussjoni li għandha tkun aktar preżenti. Għandna nistaqsu lilna nfusna jekk kull deċiżjoni li nieħdu bħala pajjiż hix qed ittejjeb il-ħajja tan-nies jew sempliċement qed iżżid l-attivita’ ekonomika.

Meta nibnu aktar toroq, qed niffrankaw il-ħin lin-nies jew qed noħolqu aktar dipendenza fuq il-karozzi? Meta nżidu l-popolazzjoni, qed intejbu l-ekonomija biss jew qed inħarsu wkoll lejn l-impatt fuq l-iskejjel, l-isptarijiet u l-ispazji pubbliċi? Meta nippjanaw l-iżvilupp, qed naħsbu fil-kwalita’ tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri? Dawn huma mistoqsijiet li ma għandhomx tweġibiet faċli, iżda huma mistoqsijiet li rridu nagħmlu.

Il-kwalita’ tal-ħajja hija wkoll responsabbilta’ personali. Ma nistgħux nistennew li kollox jagħmlu l-gvernijiet. Aħna wkoll irridu nitgħallmu nagħtu prijorita’ lill-affarijiet li tassew jgħoddu. Naqtgħu ftit mill-ħin quddiem l-iskrins. Nagħmlu aktar attivita’ fiżika. Naqraw aktar. Nitkellmu aktar ma’ xulxin. Nieħdu ħsieb ir-relazzjonijiet tagħna. Nagħtu kas tas-saħħa tagħna qabel ma nitilfuha. Dawn huma għażliet żgħar li, maż-żmien, jagħmlu differenza kbira.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading