In-Narrativa Ekonomika Matul Din il-Kampanja Elettorali

Minn Osservatur Politiku

Il-kampanja elettorali li għaddejja bħalissa żvelat ħafna aktar minn sempliċi differenzi fil-proposti politiċi jew ekonomiċi bejn iż-żewġ partiti prinċipali. Fil-fatt, aktar ma għaddew il-ġimgħat, aktar sar ċar li l-elezzjoni qed tdur madwar żewġ interpretazzjonijiet kompletament differenti tal-kundizzjoni attwali ta’ Malta.

Minn naħa, il-Partit Laburista ppreżenta lill-pajjiż bħala storja ta’ suċċess ekonomiku li teħtieġ stabbilta’, kontinwita’ u aktar investiment biex jibqa’ għaddej it-tkabbir li rajna fl-aħħar snin. Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista sostna dejjem aktar li minkejja t-tkabbir ekonomiku qawwi, Malta qed tħallas prezz soċjali u infrastrutturali għoli ħafna li issa jeħtieġ korrezzjoni, aktar prudenza u direzzjoni ġdida.
Din hija differenza fundamentali fil-mod kif iż-żewġ partiti qed jaraw il-pajjiż.

Il-Partit Laburista qed jibni l-kampanja tiegħu fuq argument wieħed ċentrali: li l-ekonomija kibret, l-impjiegi żdiedu u Malta rnexxielha żżomm rata ta’ tkabbir ferm aktar b’saħħitha minn ħafna pajjiżi Ewropej oħra. Għall-Gvern, dawn huma prova li l-mudell ekonomiku attwali qed jaħdem u li l-pajjiż għandu jkompli fuq l-istess triq.

Din hija narrattiva mibnija fuq l-istabbilta’. Il-messaġġ huwa wieħed ċar: “Tibdlux dak li qed jaħdem.” Għalhekk il-Partit Laburista qed jippreżenta ruħu bħala l-garanzija tal-kontinwita’ ekonomika u tas-sigurta’ finanzjarja.

Fil-kampanja tiegħu rajna enfasi qawwija fuq investiment kontinwu, proġetti infrastrutturali, aktar għajnuniet u miżuri ta’ sostenn għall-familji. Il-Gvern qed jargumenta li l-ekonomija għandha tibqa’ timxi ’l quddiem permezz ta’ aktar attivita’ ekonomika, aktar konsum u aktar intervent dirett fejn ikun hemm bżonn.

Madankollu, il-Partit Nazzjonalista qed joffri qari differenti ħafna tal-istess realta’ ekonomika.

Il-PN mhux qed jiċħad li kien hemm tkabbir ekonomiku. Iżda qed jistaqsi mistoqsija importanti ħafna: dan it-tkabbir qed itejjeb verament il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies?
Din hija l-qalba tal-argument tal-Oppożizzjoni.

Għall-Partit Nazzjonalista, il-problema mhijiex in-nuqqas ta’ tkabbir ekonomiku, iżda l-mod kif dan it-tkabbir seħħ u l-effetti li ħalla fuq is-soċjeta’ Maltija. Il-PN qed jargumenta li mudell ekonomiku mibni prinċipalment fuq espansjoni mgħaġġla, żieda fil-popolazzjoni u konsum kontinwu ħoloq pressjonijiet serji fuq il-pajjiż.

Pressjonijiet fuq l-infrastruttura. Pressjonijiet fuq il-proprjeta’ u l-kirjiet. Pressjonijiet fuq il-kwalita’ tal-ħajja. Pressjonijiet fuq is-servizzi pubbliċi. U pressjonijiet dejjem akbar fuq il-familji li qed iħossu li minkejja t-tkabbir ekonomiku, il-ħajja qed issir aktar diffiċli.

Dan huwa argument differenti ħafna minn dak tal-Gvern. Filwaqt li l-Partit Laburista qed jgħid li Malta hija storja ta’ suċċess li għandha tkompli fl-istess direzzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li wasal iż-żmien li l-pajjiż jieqaf u jirrifletti dwar x’tip ta’ tkabbir irid għall-futur.

Fil-fatt, ħafna mill-proposti ekonomiċi tal-PN waqt il-kampanja kienu mibnija proprju fuq din il-filosofija ta’ “korrezzjoni” tal-mudell ekonomiku attwali.

Il-proposti dwar it-taxxa, pereżempju, kienu ffukati fuq li jissaħħaħ il-purchasing power tal-familji u tal-middle class permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul u widening tal-income tax bands. Il-messaġġ kien ċar: flok il-poplu jiddependi dejjem fuq sussidji u bonuses, għandu jkollu aktar flus fil-but tiegħu permezz tax-xogħol tiegħu stess.

Bl-istess mod, il-proposti dwar l-akkomodazzjoni kienu mmirati biex jindirizzaw il-kriżi tal-affordabilita’ li ħafna żgħażagħ qed jiffaċċjaw. Il-PN argumenta li l-problema mhijiex biss nuqqas ta’ skemi jew sussidji, iżda mudell ekonomiku li wassal biex il-prezzijiet tal-proprjeta’ telgħu aktar malajr mill-pagi.

Anke fil-qasam tan-negozji ż-żgħar u l-ekonomija, il-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-ħtieġa ta’ mudell aktar sostenibbli u ibbażat fuq produttivita’ ogħla aktar milli sempliċement fuq aktar volum ekonomiku.

Din hija differenza ideoloġika importanti ħafna bejn iż-żewġ partiti.

Il-Partit Laburista jidher li jemmen li l-isfidi li qed jesperjenza l-pajjiż jistgħu jiġu solvuti prinċipalment permezz ta’ aktar investiment u aktar intervent dirett mill-Istat. Il-Partit Nazzjonalista, min-naħa tiegħu, qed jargumenta li ċerti problemi huma sintomu ta’ mudell ekonomiku li għandu bżonn direzzjoni ġdida u aktar bilanċ.
Interessanti wkoll kif dawn iż-żewġ viżjonijiet differenti qed jinħassu fit-ton tal-kampanji.

Il-kampanja Laburista hija waħda ottimista ħafna u mibnija fuq kunfidenza kbira fil-mudell ekonomiku attwali. Il-messaġġ ewlieni huwa li Malta għaddejja tajjeb u li kull bidla kbira tista’ ġġib instabbilta’.

Il-kampanja tal-Partit Nazzjonalista, min-naħa l-oħra, hija mibnija aktar fuq argument ta’ “kwalita’ tal-ħajja” u fuq il-ħtieġa li l-pajjiż jagħmel pass lura biex jevalwa l-konsegwenzi tat-tkabbir mgħaġġel li rajna fl-aħħar snin.

Dan ma jfissirx li l-PN qed jippreżenta viżjoni pessimista. Iżda qed jipprova jikkonvinċi lill-elettorat li t-tkabbir ekonomiku waħdu mhux biżżejjed jekk ma jkunx qed jittraduċi ruħu f’ħajja aħjar għan-nies ordinarji.

Din hija argumentazzjoni li tista’ tolqot partikolarment lil dawk il-familji li qed iħossu li minkejja l-ekonomija “b’saħħitha”, huma qed isibuha aktar diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum.

Il-kampanja għalhekk saret mhux biss dibattitu dwar il-proposti, iżda dwar il-mod kif il-poplu qed jesperjenza r-realta’ tal-pajjiż.

Malta hija storja ta’ suċċess li trid biss tkompli għaddejja bl-istess formula?

Jew Malta hija pajjiż li għandu bżonn jieqaf jirrifletti dwar il-konsegwenzi tat-tkabbir mgħaġġel u jibda jfittex mudell aktar sostenibbli u bilanċjat?

Din hija l-għażla vera li qed jiffaċċja l-elettorat.

Naturalment, iż-żewġ narrattivi għandhom elementi ta’ verita’ fihom. Huwa minnu li Malta kellha tkabbir ekonomiku qawwi. Huwa minnu wkoll li ħafna familji qed iħossu pressjonijiet ġodda fuq il-kwalita’ tal-ħajja tagħhom.

Il-mistoqsija hija x’konklużjoni se jaslu għaliha l-votanti minn dawn iż-żewġ realtajiet.

Se jemmnu li l-aħjar triq hija li l-pajjiż iżomm il-kors attwali b’aktar investiment u kontinwita’?

Jew se jħossu li wasal iż-żmien għal aktar prudenza, korrezzjoni u direzzjoni ekonomika differenti?

Kulħadd jaf li kull elezzjoni tkun ukoll battalja ta’ narrattivi. U din il-kampanja qed turi ċar ħafna li l-akbar differenza bejn iż-żewġ partiti mhijiex biss x’qed jipproponu, iżda kif qed jaraw lil Malta nnifisha.

Waħda tara pajjiż li rnexxa u li għandu jkompli jibni fuq dak is-suċċess.
L-oħra tara pajjiż li rnexxa ekonomikament, iżda li issa jeħtieġ jerġa’ jsib bilanċ ġdid bejn it-tkabbir u l-kwalita’ tal-ħajja.

U hija proprju bejn dawn iż-żewġ viżjonijiet differenti li l-poplu Malti issa se jkun qed jagħżel.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading