Il-Manifest Elettorali

Minn Osservatur Politiku

F’pajjiż fejn il-votanti jsegwu mill-qrib jekk il-partiti jżommux kelmithom, il-proċess tal-bini ta’ manifest elettorali għandu jkun serju daqs il-governanza nnifisha. Il-manifest m’għandux ikun sempliċiment dokument ta’ wegħdi sbieħ jew lista ta’ miżuri mfassla biex jiġbdu l-voti. Għandu jkun pjan ċar, kredibbli u responsabbli li juri mhux biss x’partit jixtieq jagħmel, iżda kif beħsiebu jwettqu u b’liema riżorsi.

F’Malta, il-manifesti elettorali storikament kellhom rwol importanti fil-ħajja politika. Ħafna votanti jikkunsidrawhom bħala kuntratt morali bejn il-partit u ċ-ċittadin. Meta partit jirbaħ elezzjoni, jitqies li għandu mandat biex iwettaq dak li jkun wiegħed. Imma dan il-kunċett jitlob livell għoli ta’ serjeta’ u dixxiplina fil-mod kif dawn id-dokumenti jiġu mfassla.

Il-problema hi li, wisq drabi, il-manifesti jsiru taħt pressjoni ta’ żmien u politika immedjata. Hemm tentazzjoni kbira li jiġu inklużi miżuri popolari mingħajr analiżi sħiħa tal-impatt tagħhom. Dan iwassal għal sitwazzjoni fejn, wara l-elezzjoni, il-gvern jiffaċċja diffikultajiet biex iwettaq dak li jkun wiegħed, jew inkella jwettaq miżuri li jkollhom konsegwenzi mhux intenzjonati fuq l-ekonomija u s-soċjeta’.

Manifest serju għandu jibda minn analiżi onesta tar-realta’ tal-pajjiż. X’inhuma l-isfidi ekonomiċi? X’pressjonijiet qed iħossu l-familji? X’bidliet qed iseħħu fis-suq tax-xogħol? Mingħajr dan il-punt tat-tluq, il-politika ssir astratta u ma tkunx marbuta mal-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Dan ifisser ukoll li l-manifest għandu jkun ibbażat fuq data u evidenza, mhux fuq impressjonijiet jew slogans. L-istituzzjonijiet bħall-National Statistics Office jipprovdu informazzjoni prezzjuża li għandha tintuża biex tifforma politika serja. Meta miżura tkun proposta, għandu jkun hemm kalkolu ċar tal-ispiża tagħha u tal-benefiċċji mistennija.

Element kruċjali ieħor huwa l-kredibbilta’ fiskali. Kull wegħda għandha prezz. Jekk partit jipproponi żieda fl-infiq, għandu jispjega minn fejn se jiġu r-riżorsi. Inkella, il-manifest isir lista ta’ xewqat li tħalli lill-gvern futur jaffaċċja realtajiet diffiċli. F’kuntest fejn il-finanzi pubbliċi huma taħt pressjoni, dan huwa aktar importanti minn qatt qabel.

Il-manifest għandu wkoll jagħmel distinzjoni ċara bejn miżuri għal żmien qasir u riformi fit-tul. Huwa faċli li tipproponi miżuri li jagħtu riżultati immedjati, iżda ħafna drabi l-akbar sfidi tal-pajjiż jeħtieġu bidliet strutturali li jieħdu ż-żmien. Politika responsabbli trid tkun kapaċi tispjega dan lill-elettorat, anke jekk mhux dejjem ikun popolari.

F’dan il-proċess, il-konsultazzjoni hija essenzjali. Manifest ma jistax jinbena f’kamra magħluqa minn ftit individwi. Jeħtieġ djalogu ma’ stakeholders differenti: negozji, unions, organizzazzjonijiet tas-soċjeta’ ċivili u ċittadini ordinarji. Dan mhux biss itejjeb il-kwalita’ tal-politika, iżda jsaħħaħ ukoll is-sens ta’ proprjeta’ kollettiva fuq il-proposti.

Madankollu, konsultazzjoni vera tfisser aktar minn sempliċi laqgħat simboliċi. Tfisser li l-fehmiet miġbura jiġu analizzati u, fejn possibbli, integrati fil-proposti finali. Inkella, ir-riskju hu li l-proċess jitqies bħala wieħed superfiċjali.

Aspett importanti li spiss jiġi injorat huwa l-implimentazzjoni. Manifest tajjeb mhux biss jgħid x’se jsir, iżda jindika kif se jsir. Dan jinkludi timelines, prioritajiet u mekkaniżmi ta’ monitoraġġ. Mingħajr dawn, anke l-aħjar ideat jistgħu jispiċċaw mitlufa fil-proċess amministrattiv.
F’pajjiż żgħir bħal Malta, fejn ir-riżorsi amministrattivi huma limitati, dan huwa partikolarment rilevanti. Il-kapaċita’ tal-istat li jwettaq il-politika hija fattur kruċjali li għandu jitqies fil-fażi tal-ippjanar.

Trasparenza hija pilastru ieħor fundamentali. Il-partiti għandhom ikunu ċari dwar il-prijoritajiet tagħhom u dwar il-kompromessi li jistgħu jkunu meħtieġa. Mhux kollox jista’ jsir f’daqqa, u l-votanti jifhmu dan jekk jiġi spjegat b’mod onest.

Dan iwassal għall-kwistjoni tal-kontabbilta’. Jekk il-manifest huwa kuntratt mal-elettorat, għandu jkun hemm mekkaniżmi biex jiġi evalwat jekk dan il-kuntratt hux qed jiġi rispettat. Rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-manifest jistgħu jsaħħu l-fiduċja u jtejbu l-kwalita’ tad-dibattitu pubbliku.

Fl-istess ħin, il-manifest għandu jkun dokument ħaj. Il-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali jistgħu jinbidlu, u l-politika trid tkun kapaċi tadatta. Iżda dan m’għandux ikun skuża biex il-wegħdi jitwarrbu. Kull bidla għandha tkun ġġustifikata u komunikata b’mod ċar.

Il-fatt li l-votanti Maltin qed isiru aktar konxji u kritiċi huwa żvilupp pożittiv. Dan joħloq pressjoni fuq il-partiti biex itejbu l-kwalita’ tal-manifesti tagħhom u biex ikunu aktar responsabbli fil-governanza. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jibbenefika lill-pajjiż kollu.

Il-bini ta’ manifest serju jitlob ukoll kuraġġ politiku. Xi drabi jfisser li ma tinkludix miżuri li huma popolari iżda mhux sostenibbli. Ifisser li tgħid il-verita’ dwar l-isfidi li qed niffaċċjaw, anke jekk din il-verita’ mhix faċli biex tinbela’.

Dan hu speċjalment rilevanti f’oqsma bħall-finanzi pubbliċi, l-ambjent u l-ippjanar urban, fejn deċiżjonijiet diffiċli ma jistgħux jibqgħu jiġu posposti. Manifest li jevita dawn il-kwistjonijiet jista’ jkun elettoralment konvenjenti, iżda jonqos milli jservi l-interess nazzjonali.

Fl-aħħar nett, il-kwalita’ tal-manifesti tirrifletti l-kwalita’ tal-politika. Jekk irridu governanza aħjar, irridu nibdew b’ippjanar aħjar. Dan ifisser li nagħtu lill-proċess tal-bini tal-manifest l-importanza li jistħoqqlu.

F’pajjiż fejn il-kelma għandha piż, il-manifest ma jistax ikun biss dokument elettorali. Għandu jkun il-pedament ta’ politika serja, responsabbli u sostenibbli. Huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nibnu fiduċja bejn il-partiti u ċ-ċittadini, u niżguraw li l-wegħdi tal-lum isiru r-realtajiet ta’ għada.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading