Il-Ġlieda Kontra l-Faqar

Minn osservatur politiku
Il-ġlieda kontra l-faqar ma tistax u m’għandhiex qatt titneħħa mill-aġenda nazzjonali. F’soċjeta’ li tgħid li qed timxi ’l quddiem u li tiftaħar bit-tkabbir ekonomiku, huwa inaċċettabbli li għad hemm nies li jgħixu b’mod mhux diċenti. Il-faqar mhuwiex biss nuqqas ta’ dħul, iżda nuqqas ta’ opportunita’, ta’ stabbilta’ u, fuq kollox, ta’ dinjita’. Sakemm ikun hemm min qed jissielet biex ilaħħaq mal-bżonnijiet bażiċi, ma nistgħux ngħidu li qed nirnexxu bħala pajjiż.
Spiss il-faqar jiġi trattat bħala problema marġinali, li tolqot lil ftit jew li tista’ tiġi solvuta b’miżuri temporanji. Iżda r-realta’ hija ferm aktar kumplessa. Hemm familji li jaħdmu u xorta jsibu ruħhom f’diffikulta’ biex iħallsu l-kontijiet, persuni anzjani li jgħixu b’pensjoni li ma tlaħħaqx mal-għoli tal-ħajja, u żgħażagħ li minkejja l-isforz tagħhom ma jarawx futur stabbli quddiemhom. Dan huwa faqar li ħafna drabi jibqa’ moħbi, iżda li għandu impatt profond fuq il-ħajja ta’ kuljum.
Il-faqar jolqot b’mod partikolari lill-aktar vulnerabbli. It-tfal li jikbru f’ambjent ta’ nuqqas ta’ sigurta’ ekonomika jkollhom inqas opportunitajiet edukattivi u soċjali. Dan joħloq ċirku vizzjuż fejn il-faqar jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Meta soċjeta’ tonqos milli tinvesti fit-tfal tagħha, tkun qed tinvesti fil-problemi tal-futur.
Il-ħaddiema foqra huma realta’ dejjem aktar preżenti. Minkejja li għandhom impjieg, ħafna ma jaqilgħux biżżejjed biex jgħixu ħajja diċenti. Dan iqajjem mistoqsijiet serji dwar il-kwalita’ tal-impjiegi u dwar kemm il-mudell ekonomiku qed jaħdem għan-nies kollha. Xogħol għandu jkun mezz biex wieħed joħroġ mill-faqar, mhux biex jibqa’ mwaħħal fih.
Il-faqar għandu wkoll dimensjoni soċjali u psikoloġika li spiss tiġi injorata. Min jgħix f’kundizzjonijiet diffiċli jesperjenza stress kontinwu, ansjeta’ u sens ta’ esklużjoni. Dan jista’ jwassal għal problemi ta’ saħħa mentali u fiżika, li jkomplu jżidu l-piż fuq is-servizzi pubbliċi. Għalhekk, il-ġlieda kontra l-faqar mhijiex biss kwistjoni ta’ solidarjeta’, iżda wkoll ta’ prevenzjoni u investiment fis-saħħa tas-soċjeta’.
Politika serja kontra l-faqar trid tkun komprensiva. Mhux biżżejjed li jiġu offruti għajnuniet finanzjarji mingħajr ma jiġu indirizzati l-kawżi strutturali. Għoli tal-ħajja, speċjalment fil-qasam tal-akkomodazzjoni, qed ikun fattur ewlieni li qed jimbotta lil ħafna lejn id-diffikulta’. Meta l-ispejjeż bażiċi jieklu l-maġġoranza tad-dħul, kull xokk żgħir jista’ jkun biżżejjed biex familja ssib ruħha f’qagħda prekarja.
L-edukazzjoni u t-taħriġ huma għodod kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar. Investiment fil-ħiliet tan-nies jagħtihom ċans reali li jsibu impjiegi aħjar u aktar stabbli. Politika li tappoġġja lil min irid jitgħallem u jitjieb, speċjalment lil dawk li jibdew minn żvantaġġ, hija essenzjali biex jinkiser iċ-ċiklu tal-faqar.
Is-servizzi soċjali għandhom ukoll rwol ċentrali. Appoġġ effettiv lill-familji, lill-persuni b’diżabilita’ u lill-anzjani għandu jkun mibni fuq rispett u effiċjenza. Is-sistema għandha tgħin lin-nies jerġgħu jqumu fuq saqajhom, mhux iżżommhom dipendenti jew imwarrbin. Dan jitlob koordinazzjoni, riżorsi adegwati u, fuq kollox, viżjoni umana.
Il-ġlieda kontra l-faqar hija wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja. F’pajjiż li joħloq il-ġid, ir-responsabbilta’ li dan il-ġid jitqassam b’mod aktar ġust hija waħda kollettiva. Dan ma jfissirx li l-inizjattiva individwali ma għandhiex valur, iżda li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura sal-punt li jgħix f’kundizzjonijiet indeċenti.
Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess ta’ pajjiż ma jitkejjilx biss b’ċifri ekonomiċi, iżda bil-mod kif jittratta lill-aktar vulnerabbli. Il-ġlieda kontra l-faqar trid tibqa’ fuq l-aġenda mhux bħala slogan, iżda bħala impenn kontinwu. Għax soċjeta’ li taċċetta li xi wħud jgħixu b’mod mhux diċenti hija soċjeta’ li titlef parti mill-umanita’ tagħha.
Il-messaġġ għandu jkun wieħed ċar u bla ambigwita’: ħadd m’għandu jgħix fil-faqar. Dan huwa d-dmir tagħna bħala komunita’ u bħala pajjiż li jemmen fid-dinjita’ ta’ kull persuna.
