Id-data tal-Elezzjoni Għandha Tibqa’ Priorita’ tal-Prim Ministru

Minn Osservatur Politiku

F’kull demokrazija moderna, l-elezzjoni ġenerali hija l-mument suprem fejn iċ-ċittadin jagħti l-ġudizzju tiegħu fuq min għandu jmexxi l-pajjiż. F’Malta, iżda, minkejja li għandna sistema demokratika stabbilita, għad hemm element li jibqa’ problematiku: in-nuqqas ta’ data fissa għall-elezzjonijiet ġenerali.

Il-Prim Ministru għandu d-diskrezzjoni li jsejjaħ elezzjoni fi żmien li jqis opportun, sakemm ma jaqbiżx il-perjodu massimu ta’ ħames snin. Din il-prattika, għalkemm legali, tqajjem mistoqsijiet serji dwar kemm hija ġusta u xierqa f’demokrazija moderna.

Imma verament wasal iż-żmien li Malta tibda tiddiskuti bis-serjeta’ jekk għandhiex timxi lejn sistema fejn l-elezzjoni ġenerali ssir f’data fissa, kull ħames snin?

L-argument ewlieni favur data fissa huwa wieħed ta’ ġustizzja demokratika. Meta l-Prim Ministru jkollu s-setgħa li jagħżel il-mument tal-elezzjoni, ikun jista’ jagħmel dan f’waqt li jkun politikament favorevoli għall-gvern. Dan jista’ jkun meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb, meta l-oppożizzjoni tkun dgħajfa, jew meta jkun hemm momentum politiku li jaħdem favur il-partit fil-gvern. Din hija forma ta’ vantaġġ strutturali li, anke jekk legali, tpoġġi lill-partiti kollha mhux fuq l-istess livell.

Sistema b’data fissa tneħħi dan il-vantaġġ u toħloq playing field aktar ugwali. Il-partiti kollha jkunu jafu minn qabel meta se ssir l-elezzjoni u jkunu jistgħu jippjanaw b’mod aktar trasparenti u ġust. Iċ-ċittadin, min-naħa tiegħu, ikun jista’ jivvaluta l-ħidma tal-gvern fuq perjodu magħruf u mhux fuq kalkoli politiċi ta’ żmien.

Data fissa tagħti sens ta’ prevedibbilta’ lill-pajjiż. L-istituzzjonijiet, in-negozji u anke s-soċjeta’ ċivili jkunu jistgħu jippjanaw aħjar. F’pajjiż żgħir bħal Malta, fejn kull deċiżjoni politika għandha impatt immedjat, din il-prevedibbilta’ tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir.

Imma dan l-argument anki jekk importanti dwar stabbilta’ inaqqas mis-serjeta’ istituzzjonali. X’jiġri bħal ma ġara fi żmien Alfred Sant jekk gvern jitlef il-maġġoranza tiegħu fil-parlament? B’data fissa, dak il-gvern jibqa’ fil-poter. F’sitwazzjoni bħal din, fejn gvern jitlef il-maġġoranza tiegħu jew fejn kriżi politika tagħmilha, impossibbli li jkompli jmexxi, kif sistema bħal din tista’ taħdem?

F’dawn il-każijiet, il-possibbilta’ li ssir elezzjoni bikrija hija essenzjali biex tiġi restawrata l-leġittimita’ demokratika.Dan huwa argument validu, iżda mhux wieħed li jeskludi sistema ta’ data fissa. Mela data fissa ma tahdimx f’demokrazija parlamentari.

Jekk iridu data fissa irridu mmorru għal sistema presidenzjali. Ara f’dak il-każ, hemm impeachment u jekk ikun hemm impeachment, kif inhi s-sistema Amerikana, il-viċi ta’ warajh jilħaq president.

Dan huwa fatt għala f’demokraziji parlamentari ma għandhomx data fissa. Fl-Italja, sa ftit ilu, l-elezzjonijiet bikrin f’ċirkostanzi straordinarji, kienu r-regola u mhux l-eccezzjonijiet.

L-argument l-ieħor hu li d-diskrezzjoni fuq il-ħin tal-elezzjoni tista’ tintuża bħala għodda politika. Mhux dejjem ikun hemm trasparenza dwar għaliex elezzjoni tissejjaħ f’mument partikolari. Dan jista’ jnaqqas il-fiduċja tal-pubbliku fil-proċess demokratiku u jsaħħaħ il-perċezzjoni li s-sistema hija mfassla biex tiffavorixxi lil min ikun fil-poter.

L-introduzzjoni ta’ data fissa tista’ tgħin biex tissaħħaħ din il-fiduċja. Imma l-fiduċja f’Malta fil-politika mhux qed tintilef minħabba nuqqas ta’ data fissa. Ir-regoli fis-sistema tagħna huma ċari u japplikaw għal kulħadd. Il-proċess demokratiku huwa ġust u kredibbli. In-nuqqas ta’ fiduċja ġejja minħabba li qegħdin fi żmien fejn il-fiduċja fl-istituzzjonijiet qed tiġi sfidata globalment.

Hemm ukoll dimensjoni prattika li ma tistax tiġi injorata. Elezzjonijiet f’Malta huma avvenimenti kbar li jinvolvu riżorsi sinifikanti, kemm mill-istat kif ukoll mill-partiti politiċi. Kampanji elettorali spiss jibdew xhur qabel u joħolqu atmosfera ta’ inċertezza. Meta ma jkunx magħruf eżatt meta se ssir l-elezzjoni, il-pajjiż jista’ jidħol f’modalita’ ta’ kampanja kważi permanenti. Hemm min jargumenta li dan mhux b’saħħtu għal demokrazija. Imma jista’ jkun bil-kontra. Dan jista’ jgħin u qed jgħin biex tissaħħaħ id-demokrazija għaliex il-gazzetti u n-nies jitkellmu dwarha.

B’data fissa jew le, illum il-kampanji elettorali qed ikunu qosra. L-aħħar waħda twila kienet dik ta’ 2013. Jekk id-data tkun fissa, il-kampanji elettorali jsiru twal u mhux qosra. B’data mhux fissa l-kampanji elettorali saru aktar strutturati u limitati fiż-żmien.

Id-diskors politiku xorta waħda qed isir aktar matur. F’kampanji twal jidħol aktar l-element populist.

Fuq kollox, l-introduzzjoni ta’ data fissa ma tneħħix il-polarizzazzjoni politika, u lanqas ma tiggarantixxi governanza aħjar.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading