Iċ-Ċifra Record ta’ Turisti: It-Tajjeb u l-Inqas Tajjeb Tagħha

Minn osservatur politiku

Ir-rapport preliminari għall-2025 jindika li Malta laqgħet madwar 3.8 miljun turist f’sena waħda. Ċifra rekord li, fuq il-wiċċ nett, tidher bħala storja ta’ suċċess. Għal min iħares biss lejn l-istatistika, dan ifisser ekonomija b’saħħitha, domanda qawwija, u settur turistiku li għadu jattira miljuni lejn pajjiżna.

It-turiżmu ilu wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija. Jikkontribwixxi b’mod dirett u indirett għall-impjiegi, għad-dħul tal-familji, u għall-finanzi pubbliċi. F’dan is-sens, 3.8 miljun turist ifissru eluf ta’ postijiet tax-xogħol sostnuti, lukandi mimlija, ristoranti u negozji li jibqgħu għaddejjin, u miljuni fi dħul fiskali. Dan kollu huwa fatt li ma jistax jiġi injorat.

Il-politika turistika ta’ dawn l-aħħar snin tidher li ffokat fuq aktar numri, mhux neċessarjament fuq l-aħjar esperjenza. Aktar titjiriet, aktar sodod, aktar lukandi u aktar reklamar. Iżda dan il-mudell iqajjem dubju serju dwar is-sostenibbilta’ tiegħu.

Min-naħa l-oħra, Malta hija pajjiż żgħir, b’territorju limitat u infrastruttura li diġa’ tinsab taħt pressjoni qawwija. Meta tgħaqqad popolazzjoni residenti li kibret b’mod rapidu ma’ miljuni ta’ turisti fis-sena, il-piż fuq is-servizzi pubbliċi jsir enormi. It-traffiku, li diġa’ huwa problema kronika, jiżdied b’mod qawwi matul l-istaġuni turistiċi. It-trasport pubbliku, l-immaniġġjar tal-iskart, il-provvista tal-ilma u l-enerġija kollha jkunu taħt stress kontinwu.

Hawnhekk toħroġ il-mistoqsija fundamentali: Malta kapaċi tlaħħaq ma’ dan il-volum ta’ turiżmu mingħajr ma tbati l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti tagħha? Għal ħafna Maltin u Għawdxin, ir-risposta tidher dejjem aktar ċara. L-impatt mhux qed jinħass biss f’żoni turistiċi tradizzjonali, imma anke f’raħal u bliet li darba kienu kwieti.

Turist li jħallas ftit, jibqa’ ftit jiem, u jħalli impatt kbir fuq l-ambjent u l-infrastruttura, huwa verament ta’ benefiċċju fit-tul? Jew qed noħolqu ekonomija li tiddependi fuq volum bla limitu, b’marġini dejjem jonqsu u spejjeż soċjali dejjem jogħlew?


Ħafna pajjiżi oħra bdew jagħrfu li t-turiżmu bla kontroll iwassal għal over-tourism, fenomenu li jnaqqas kemm il-kwalita’ tal-esperjenza tat-turist kif ukoll il-kwalita’ tal-ħajja tar-resident. Malta qed tersaq b’pass mgħaġġel lejn dan ix-xenarju.

Ma nistgħux nitkellmu dwar 3.8 miljun turist mingħajr ma nsemmu l-ambjent. Aktar turiżmu jfisser aktar skart, aktar pressjoni fuq il-kosta, aktar użu tal-karozzi u aktar emissjonijiet. Pajjiż li diġa’ qed jitlef spazji miftuħa u naturali, qed isib ruħu f’ċiklu fejn il-ġmiel li jattira t-turisti qed jinqered bil-mod il-mod mill-istess piż tat-turiżmu.

Dan joħloq kontradizzjoni perikoluża għax jinqerdu dak li jagħmel lil Malta attraenti, biex inkomplu nattiraw aktar nies. Jekk dan il-mudell ma jinbidilx, ir-riskju hu li Malta titlef l-identita’ u l-karattru li jagħmluha unika.

Kwistjoni oħra kruċjali hija min verament qed jibbenefika minn dawn iċ-ċifri rekord. Żgur li ċerti setturi jagħmlu profitti sostanzjali, iżda ħafna ħaddiema fis-settur turistiku jibqgħu jaqilgħu pagi baxxi u jaħdmu f’kundizzjonijiet diffiċli. Fl-istess ħin, ir-residenti jkollhom iħallsu prezz indirett permezz ta’ għoli fil-prezzijiet, kera ogħla u spazji pubbliċi aktar iffullati.

Dan iwassal għal sens ta’ inġustizzja soċjali: ekonomija li tikber fuq il-karta, imma li mhux kulħadd iħoss il-frott tagħha bl-istess mod.

Allura, 3.8 miljun turist huma raġuni ta’ ferħ jew ta’ tħassib? It-tweġiba onesta hija: it-tnejn fl-istess ħin. Hija prova li Malta għadha destinazzjoni popolari u ekonomikament relevanti. Iżda hija wkoll sinjal ta’ allarm li juri li wasal iż-żmien għal riflessjoni serja.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading