Where your opinion counts

Ħafna deputati qed jitkellmu fil-magħluq kontra Bernard Grech u jgħidu li għandu jitlaq

Minn osservatur politiku

Id-deputati stess li Bernard Grech imbotta biex ikunu fil-Partit Nazzjonalista issa qed jitkellmu kontrih. Issa dawn qed jingħaqdu ma’ deputati oħra aktar anzjani u qed jgħidu li jkun jaqbel li jinbidel il-kap tal-Partit Nazzjonalista kemm jista’ jkun malajr. Ħafna deputati Nazzjonalisti qed jibżgħu li l-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jaffaċċja sitwazzjonijiet oħrajn imbarazzanti meta f’Ġunju jsiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsilli Lokali.

B’hekk qed nisma’ diversi deputati li qed jgħidu li hemm bżonn li Bernard Grech iżarma ħalli forsi l-partit jibda’ jaqbad art. Dan qed jgħiduh fil-magħluq imma issa saret ħafna importanti li diskors bħal dan jibda’ jingħad fejn jitwassal il-messaġġ ċar li hemm bżonn ta’ kambjamenti fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Donnu t-tmexxija tal-Partit tinsab f’pożizzjoni antipatika ħafna li ser jibqgħu jtawwlu d-deċiżjoni tagħhom, li jafu li trid tittieħed, għad-dannu tal-istess partit. Donnu ser jibqgħu mdendlin bl-aspettattiva ta’ Roberta Metsola li tiġi hawn Malta biex tieħu t-tmexxija tal-partit hi.

Metsola għamlet suċċess kbir bħala President tal-Parlament Ewropew. Imma dan ma jfissirx li ser tkun ukoll ta’ suċċess fit-tmexxija ta’ Partit lokali. L-isfidi huma totalment differenti u s-suċċess ta’ waħda ma jfissirx suċċess awtomatiku għall-oħra.

Lanqas huwa tajjeb li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ għaddej minn dan l-isfreġju kollu u dan biex nistennew Metsola x’ser tagħmel wara li jgħaddu l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju. Kulħadd jaf li Metsola għandha ċans tajjeb li tibqa’ President. Allura l-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ mdendel sa’ x’ħin naraw il-futur ta’ Metsola x’ser ikun. Ma jistax il-Partit ifittex kap ieħor u jieħu r-rigni f’idejh u Metsola jkollha ċ-ċans kollu tiddeċidi sa wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Jagħmel ħafna iktar sens għall-Partit Nazzjonalista li janalizza s-sitwazzjoni prekarja li jinsab fiha llum u jiddeċidi l-futur tiegħu mingħajr ebda stennija ta’ xi messija. Iktar ma qed jgħaddi ż-żmien iktar qed tidher ċara li l-Partit Nazzjonalista ma għandux it-tama li jnaqqas il-vantaġġ elettorali jew b’xi mod jersaq viċin lejn il-Partit Laburista. Stħarriġ wara l-ieħor qed juri li d-distakk għadu qawwi u b’Bernard Grech kap ma hemmx ċans li ser ikun hemm xi tibdil.

Allura wieħed jistaqsi, it-tmexxija tal-Partit huma lesti li jsoffru telfa oħra minħabba l-fatt li ma humiex lesti li jieħdu deċiżjoni ta’ bdil ta’ Kap. Donnu l-Partit daħħal f’rasu li jilgħab il-waiting game u joqgħod jistenna l-manna taqa’ f’ħalqu. Imma din mhix strateġija li ser twassal għall-Partit Nazzjonalista li jkun b’saħħtu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss li fuq kollox hija l-akbar sfida li partit politiku jiffaċċja.

2 thoughts on “Ħafna deputati qed jitkellmu fil-magħluq kontra Bernard Grech u jgħidu li għandu jitlaq

  1. Billi jinbidel Il kap ma tfisser xejn ghax Il partit bhala partit ghadu l’anqas solva Il problema kbira li ghandu …. Ghaliex m’hemmx raguni fic cirkustanzi Tal lum Tal esistenza tieghu?

  2. Li ghandna bzonn huma partiti u kandidati alternattivi lil hinn miz-zewg partiti l-kbar li sar ta’ piz ghan-nazzjon u ghal min irid jahdem bl-gharaq ta’ gbinu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *