Where your opinion counts

Min jitfa’ fil-borma jkun jaf x’fiha

Minn Edwin Vassallo

Riċentament, Saviour Balzan tana artiklu fejn tkellem dwar iż-żewġ mexxejja ta’ Malta, u b’żewġ mexxejja huwa kien qed jifhem il-prim ministru u l-kap tal-oppożizzjoni. Hu tkellem li llum għandna żewġ mexxejja u għandna żewġ problemi.

Jien mhux ser inkun qed nikteb fuq il-problemi marbuta ma’ dawn iż-żewġ kapijiet tal-partiti ewlenin f’pajjiżna. Fuq dan ktibt diversi drabi u l-fehma tiegħi hija magħrufa. Imma bħala politiku, meta qrajt dan l-artiklu, ma stajtx ma nirriflettix u ngħid li llum f’pajjiżna kważi ma baqax differenza bejn kummentatur politiku u ġurnalista. Kull ġurnalista sar kummentatur politiku.

Jien semmejt dan l-artiklu tiegħi “min jitfa’ fil-borma jkun jaf x fiha”. Użajt din il-frażi Maltija għaliex dawn il-kummentaturi politiċi llum huma psuedo-ġurnalisti. Dan huwa l-mudell ġurnalistiku li llum insibuh imħaddem barra minn pajjiżna. Dawn jiktbu l-kummenti tagħhom u l-kummenti tagħhom isiru skont l-aġenda tal-media houses li timpjegahom. Il-media house tibni l-aġenda billi tara lil fejn ikun qed jonfoħ ir-riħ. U r-riħ dejjem jonfoħ skont min l-aktar li lest biex iħallas.

Infakkar li dawn il-ħafna aġendi woke li l-media houses tal-lum qed jimbuttaw qegħdin ikunu ssussiddjati mit-taxxi tagħna. Fl-Ewropa qed ifaqqsu ħafna NGOs u Foundations li jieħdu flus direttament mingħand il-gvernijiet u l-gvernijiet jaraw li l-aġendi tagħhom jiġu mmexxija minn dawn l-NGOs u Foundation li jgħaddu l-flus lill-media houses. Għalhekk ktibt li kull min jitfa’ fil-borma jkun jaf x’fiha.

Ħafna drabi, dawn il-kummentaturi politiċi huma biss kummentarji ta’ propaganda politika rħisa. Imbagħad hemm dawk li jkunu qed jaħdmu fit-tiswir tal-politika jew kif jgħidu bl-Ingliż, “in the making of politics”.

Mhux l-ewwel darba li jiktbu xenarju politiku li jkun dak li huma jixtiequ li jkun jew li jkun qed jiġi mħallsa biex ikun. Huma l-periti u l-bennejja tal-opinjoni pubblika. Huma dawk li jaħsbu u jiktbu biex in-nies jaħsbu kif iriduhom huma jew aħjar kif iriduhom dawk li qed jiffinanzjaw lil media houses.

Illum il-gazzetti stampati ma għadhomx jinbiegħu bħal qabel. Is-saħħa tagħhom biex jinfluwenzaw u joħolqu opinjoni pubblika naqqset bil-kbir. L-unika relavanza li baqalhom fis-suq huwa propju dan; biex iservu ta’ vehicle ħalli l-gvern jagħtihom il-flus taħt sussidji u għajnuniet biex jgħin lill-media stampata.

Illum l-aġenda Ewropea u tad-Demokratiċi Amerikani hija dik li titmexxa l-aġenda “woke”. Dan wassal biex il-poplu tilef il-fiduċja fil-politika u fl-istess ġurnalisti. Għalhekk, il-ġurnalisti qed jippruvaw joħolqu mill-ġdid lilhom infushom f’kummentaturi politiċi. Fi kliem ieħor, qed jilbsu l-istess libsa li kellhom il-qassisin ta’ dahri.

Mela llum mhux veru għandna “two leaders, two problems” kif kiteb Balzan. Illum għandhom, “one and the same political propaganda express by two political leaders and this is leading us in having two problems”. Il-Malti jgħid li “ix-xitan l-ewwel jagħmik u wara jdoqq it-trumbetta bik”. Hekk qiegħed jiġrilhom il-mexxejja politiċi tagħna man-nies.

L-ewwel nfaħħru u nonfħu l-liberaliżmu u l- wokeiżmu u wara nitkażaw għaliex għadna żewġt problemi fil-mexxejja tagħna. Dak li nitilfu meta nitilfu l-prinċipji u l-valuri fil-politika! Inkunu qed nitilfu kull sens ta’ responsabbilita’ lejn in-nies.

Aħna jekk irridu nkunu responsabbli lejn in-nies, mhux l-ewwel nagħmlu lill-mexxejja u wara ndoqqu t-trumbetta bihom. Minflok irridu nifhmu li aħna responsabbli tan-nies il-ħin kollu.

Jien ma nqisx ruħi kummentatur politiku. Jien attivist politiku. Għalhekk inħossni responsabbli minn ħajjiet in-nies u nixtieq il-ġid lin-nies aktar milli nixtiequ lili nnifsi.

Jien nemmen li l-ewwel responsabbilita’ tiegħi hija lejn il-verita’ u lejn id-dinjita’ ta’ ħajjet in-nies u lejn il-ġid komuni. Għalhekk, irrid ninsa x’inhu ta’ ġid għalija innifsi.

Dawn il-kummentaturi xi drabi jinsew jirrispettaw il-verita’. Min jiddefendi l-verita’ jagħmluh l-akbar għadu tagħhom. Dan isir għaliex ulied il-qerq ma jistgħu qatt jkunu wlied id-dawl.

.

One thought on “Min jitfa’ fil-borma jkun jaf x’fiha

  1. Nisthajjel li qieghed corner meeting. Sajda mhux ghal vopi imma ghal voti. Is-CV tas-Sur Vassallo ma jithassarx …. attivist, konservativ, deputat tal-PN. X’jiswa? Araw minuti ta’ seduti Parlamentari fejn fetah halqu. Jew tidhaq jew tibki jew tithassru.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *