Il-Professur Franco Curmi jammetti li l-RTK huma f’alleanza mal-ġurnalisti tal-mainstream media li kulħadd jaf bl-aġenda anti-klerikali u ta’ dekristjanizzazzjoni tagħhom.
F’dawn il-jiem deher avviż fejn l-RTK qed tfittex editur. Fuq kollox, f’dan l-avviż insiru nafu li Kevin Papagiorcopulo ġie appuntat Chief Executive Officer tal-Beacon Media Group. Il-Beacon Media group joperaw Newsbook Malta u l-RTK 103 radio. Insiru nafu wkoll li Amanda Ciappara ser tkun il-kap il-ġdid tal-Business Development tal-RTK u Newsbook.
Iċ-chairman tal-Beacon Group, Prof. Franco Curmi, ġie rrappurtat li qal li “Kevin u Amanda huma t-tnejn rispettati fiċ-ċrieki tal-media u dawn il-karigi ġodda ser isaħħu l-preżenza tal-Beacon Media u fiċ-ċrieki tal-media independenti…”
Issa jekk wieħed jara l-media indipendenti f’pajjiżna x’toffri, jinduna li din il-media għandha aġenda anti-klerikali u kontra l-qassisin u l-knisja. Trid iġġib id-dekristjanizzazzjoni ta’ Malta u dan l-aħħar kienu qaqoċċa jattakkaw lill-isqof ta’ Għawdex Tuema. Issa s-Sur Curmi f’isem il-Beacon Group qed jgħidilna li l-media tal-knisja trid issaħħaħ l-alleanza tagħha ma’ dan it-tip ta’ ġurnaliżmu.
Infakkar li Kevin Papagiorcopulo ma ddejjaqx jheddidni b’libell anki jekk kont qed ngħidlu l-verita’ fir-rigward u l-użu tas-servizzi ta’ nies li jiftaħru li huma atei u anti-klerikali u huma biċċa waħda mar-Repubblichini. Naħseb aħjar il-Prof Curmi jgħidilna kemm dawn l-anti-klerikali qed jitħallsu mill-media tal-knisja tas-servizzi li joffru.
Għall-inqas Curmi qed ikun onest u jgħidilna li l-ġurnalisti tiegħu huma f’alleanza ma’ dawn il-ġurnalisti li jridu jużaw kull storja biex jiddekristjanizzaw lil Malta u jattakkaw lill-qassis kif għamlu fir-rigward ta’ Fr. David Muscat, Fr. Aaron Zahra u Fr. Luke Seguna fost l-oħrajn. Illum wieħed jifhem għala l-media tal-knisja hija f’alleanza mal-ilpup u l-qassisin li jiġu attakkati minn dawn il-ġurnalisti ma jsibu l-ebda ħajt ta’ kenn. Dan hu dak li fisser bi kliemu Curmi meta qal li l-ġurnalisti tiegħu huma rispettati mill-media houses tal-mainstream media u l-ġurnalisti tagħhom!

