Where your opinion counts

Ġimgħa sewda għal Malta: il-liġijiet tagħna jirrikonoxxu li f’ġuf mara hemm tarbija u mhux “fetu” kif iddeskrivih il-Ministru tal-Ġustizzja

Minn Edwin Vassallo

Matul din il-ġimgħa kellna tteħid tal-vot fit-tieni qari fil-parlament biex bih jiddaħħal l-abort f’Malta.  Kif kelli ċans nikteb u anki nikkummenta fuq il-vlogs tiegħi, din hija emenda inġusta. Din hija emenda maħsuba biex toħloq l-abbuż. Din l-emenda mhux biss qed tiftaħ l-bibien beraħ għall-abort imma qed tippermetti biex dan ikun jista’ jsir mingħajr l-ebda konfini tal-liġi. Għalhekk din hija ġimgħa sewda għal Malta.

Mela dak li qed jipproponi dan il-gvern huwa l-qtil ta’ trabi fil-ġuf.  Imma dan il-gvern qiegħed jipprova jikkonvinċi lill-poplu li dan mhux qtil ta’ tarbija imma tneħħija ta’ fetu mill-ġuf. Għalhekk qiegħed joqgħod attent xi kliem juża. Minflok tarbija, il-gvern qed juża l-kliem fetu jew ċelloli.

Infakkar li kien l-istess Ministru tal-Ġustizzja, Jonathan Attard, li qalilna li din hija emenda li ser tirregolarizza lill-fetu u mhux lit-tarbija.  L-użu stess tal-kelma fetu huwa prova tal-inġustizzja li dan il-ministru qed iwettaq ma’ tarbija fil-ġuf.  Il-fatt stess li l-Ministru tal-Ġustizzja qed juża l-kelma “fetu” meta fil-fatt qiegħed jirreferi għal tarbija juri li dan il-ministru qiegħed jipprova jimminimizza s-sens tal-ħtija li jħoss.  Jien perzwazz li huwa konxju li b’din l-emenda ser jinqatlu trabi fil-ġuf tal-ommijiet li issa ser ikunu jistgħu jwaqqfu t-tqala tagħhom sal-aħħar mument tal-istess tqala anki jekk ma jkollhomx verament bżonn.  

Jien perswazz li fil-Partit Laburista hemm ħafna deputati li ma jaqblux ma’ din l-emenda imma l-maġna tal-partit hija ikbar minnhom. U hawn meta d-demokrazija parlamentari tinbidel f’demokrazija totalitarja. Għalhekk, jien kburi li meta kont deputat iġġilidt kontra din is-sistema. 

Infakkar lill-istess ministru li meta ġenituri jkunu qed jistennew tarbija u jaraw it-tarbija tikber fil-ġuf, żgur li mhux ser jgħidu “dak il-fetu tagħna”, iżda jgħidu “dik hija it-tarbija tagħna“. Jien qatt ma smajt omm tqila tirreferi għal dak li għandha f’ġufha bħala fetu.  Mela, l-omm ġa qed tqies dak li qed jikber fi ħdanha bħala tarbija.

Irrid ukoll niġbed l-attenzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja li fil-liġijiet tagħna għandna liġi li tgħid li huwa att kriminali doppju jekk persuna tweġġa’ mara tqila u tikkawżalha l-mewt tal-ħajja f’ġufha. Mela skont il-liġi tagħna, il-qtil ta’ tarbija fil-ġuf jittieħed inkonsiderazzjoni separatament mid-danni li tkun soffrit l-omm. B’hekk l-istess liġi tagħna tirrikonoxxi dak li dan il-ministru qed jgħid li hu fetu bħala bniedem sħiħ.  Kieku mhux hekk, ma jkunx seħħ l-ebda att kriminali jekk persuna tweġġa’ jew toqtol “fetu”. Għalhekk hu ċar li l-liġi tagħna tqies il-fetu bħala bniedem sħiħ u tagħraf il-fatt li hemm aggravju f’att kriminali kontra mara tqila għaliex tqiesu bħala att kriminali doppju.

Il-Ministru tal-Ġustizzja ma ddejjaqx jirreferi għal dawk kollha li qed jgħidu li dan mhux “fetu” imma “tarbija” bħala “dizonesti”. Hawn wieħed irid jistaqsi. Min hu d-disonest f’dan kollu? 

Issa nitlob lill-Ministru tal-Ġustizzja biex ikun onest mal-poplu Malti u Għawdxi u jgħid x’inhi tassew r-raġuni għal din il-liġi?  Bħala avukat jaf li din l-emenda tfisset abort. Bħala avukat jaf li permezz ta’ din l-emenda, omm ser tkun tista’ tiftiehem ma’ tabib u toqtol lill-istess tarbija f’ġufha. Mela fejnu l-ħaqq f’dan kollu?  X’ġustizzja hija dik li tarbija tista’ tiġi maqtula sa ftit siegħat qabel titwieled għaliex skont il-ministru dak fetu?  Il-Ministru tal-Ġustizzja irid jibda biex jagħmel ġustizzja u jkun onest mat-tarbija fil-ġuf imma forsi dik ma għandix vot u allura ma tiswa’ xejn f’soċjeta’ hekk imsejħa demokratika. Forsi huwa għalhekk li tarbija qed tiġi mneżża mid-dinjita’ tagħha billi tkun msejħa “fetu” jew “ftit ċelloli”.

Mela issa nħalli f’idejn il-qarrejja jikkonkludu min qed ikun disonest f’dan kollu.  Id-disonesta hija ikbar għaliex dan hu gvern li xtarba l-media hekk imsejħa indipendenti biex tipprova tipperswadi poplu dwar din l-ikbar gibda li kellna f’din is-sena li qed tispiċċa. Jiġifieri dan hu gvern li qed jgħid li ma jridx idaħħal l-abort meta fil-fatt qed idaħħal l-abort. Imbagħad lest li jigdeb għaliex jaf li l-maġġoranza tal-poplu Malti hija kontra l-abort.

One thought on “Ġimgħa sewda għal Malta: il-liġijiet tagħna jirrikonoxxu li f’ġuf mara hemm tarbija u mhux “fetu” kif iddeskrivih il-Ministru tal-Ġustizzja

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *