X’inhu jiġri fil-Parlament Malti? Id-deputati jridu jieqfu jibdlu s-siġġu biex jidhru fuq it-TV.

Minn osservatur politiku

S’issa rajna erba’ seduti tal-Parlament Malti minn nhar is-Sibt ‘l hawn. Fl-ewwel waħda rajna is-soltu sfilata mid-deputati li jiffurmaw il-parlament f’din il-leġislatura ġdida. Wara rajna lil kull wieħed u waħda minnhom jieħdu l-ġurament. Imbagħad kellna d-diskors tal-President li dejjem jiftaħ il-leġislatura. Din il-ġimgħa assistejna għal tliet ijiem ta’ diskussjoni fuq id-diskors tal-President u stajna naraw ukoll lid-deputati ġodda tal-parlament jagħmlu l-ewwel diskorsi tagħhom.

Biċċiet minnhom jimlewk bil-kuraġġ, fil-waqt li oħrajn għad iridu jorqmu d-diskorsi tagħhom ħalli jkunu denji tal-pożizzjoni li ġiet fdata lilhom. Kull diskors kien fih x’wieħed jixtarr imma illum mhux ser nidħol fil-kuntest tad-diskorsi li smajna s’issa. F’dan l-artiklu ser niġbed ftit il-widnejn ta’ ċerti deputati li l-imġieba tagħhom mhix eżemplari.

Nafu li għadhom deħlin friski u għad għandhom ħafna entużjażmu u enerġija, imma ċertu affarijiet jistonaw meta ġejjien min-nies li issa qegħdin fuq il-pultruni tal-poter. Mhux beħsiebni ndur mal-lewża u ser nikkritika għaliex nesiġi rispett kbir għal u minn dik l-istituzzjoni. Ma jistgħux jittrattaw il-parlament qiesu ‘musical chairs’. Ma jistax ikun li tara deputati li jibdlu s-siġġu tagħhom skond min ikun qed jindirizza il-kamra. Dan kollu jagħmluh ħalli jkunu ċerti li joqgħodu ħdejn u wara l-kelliem biex jinqabdu mill-camera.

Għamlu kuraġġ, sinjuri deputati, għandna ħames snin narawkom. Nilħqu nidrawkom. U daħħluha f’raskom li fil-parlament irridu nisimgħukom u mhux tant narawkom. Mela ma hemmx għalfejn noqgħodu nibdlu s-siġġijiet biex tkunu żguri l i turu lil kulħadd li qegħdin hemm.

Dak il-ħin fil-parlament użawh tajjeb biex tisimgħu lill-kollegi tagħkom u fl-istess ħin titgħallmu l-argumentazzjoni. Kull kelliem li jkun qed jitkellem fil-Parlament ikun jixtieq li anke dawk kollha preżenti jagħtu każ dak li jkun qed jgħid. Mela meta deputati jkunu madwar il-kelliem u speċjalment ikunu jidhru fuq il-camera, almenu jagħtu l-impressjoni li qed jinteresshom dak li jkun qed jintqal u mhux jinqabdu fuq il-camera jagħmlu xi ħaġa oħra.

Mela meta jkunu madwar kelliem, għandu jieqaf il-paroli, jieqaf id-daħq, jieqaf t-tfesfis u tieqaf kull azzjoni li ma tagħmlekx denju li tagħmel waqt li ħaddieħor qed jitkellem. Tafu sewwa li mhux bil-fors toqgħodu fil-plenarja l-ħin kollu. Mela jekk ma jkunx jinteressak id-diskors itlaq il-barra u tagħmilx brutti figuri quddiem kull telespettatur tal-parlament.

Nifhem u ngħader li d-deputati l-ġodda jridu juru li huma ferħanin bir-riżultat li poġġihom fl-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna, imma ma hemmx għalfejn inġibu ruħna ta’ tfal żgħar fl-imġieba tagħna. Il-Parlament jitlob serjeta’. Il-pultruna tal-Parlament titlob dedikazzjoni u lealta’ lejn il-poplu. Ix-xogħol tal-parlament jitlob impenn u preparamenti xierqa. Id-diskorsi fil-parlament jirrikjedu preparazzjoni intelliġenti għax dawn ser jirriflettu l-ġid lejn il-poplu Malti u Għawdxi.

Issa wasal żmien il-verita’. Issa wasal żmien fejn nuru li dak li ħdimtu għalih tridu twettquh. Issa wasal żmien li turu l-kapaċita’ tagħkom u l-intelliġenza tal-ħsieb. Issa wasal żmien is-serjeta’. Dak hu mistenni minnkom u dak li aħna l-votanti nistennew minn għandkom.

Leave a Reply

Your email address will not be published.