Każ ieħor li ġara ftit ilu fil-Ħabs

Is-sitwazzjoni fil-ħabs tkompli tqajjem ħafna mistoqsijiet serji dwar il-governanza u d-dixxiplina.
Illum it-Tnejn 4 ta’ Mejju rajna każ fejn priġunier b’sensiela twila ta’ akkużi kriminali fosthom relatati mad-drogi, pussess, ksur ta’ bail, serq u reċedività kompla juri atteġġjament ta’ sfida lejn l-awtoritajiet u l-uffiċjali korretivi.
Dan il-priġunier mhux biss allegatament insulta lill-ħaddiema tal-ħabs b’kliem dispreġġjattiv, iżda saħansitra talab lill-pulizija biex jiftħu każ kontra uffiċjali korrettivi li, skont kollox, kienu qed iwettqu dmirhom. L-affarijiet ma waqfux hemm: l-istess individwu ressaq ukoll ilmenti u allegazzjonijiet quddiem il-qrati kontra dawn l-uffiċjali, f każ ieħor dan l-aħħar.
Uffiċjal wieħed esprima frustrazzjoni kbira meta qal li “din hija trauma oħra li rridu ngħaddu minnha,” riflessjoni ċara tal-pressjoni psikoloġika li qed jesperjenzaw dawk li jaħdmu f’dan is-settur.
Dak li jqanqal tħassib akbar huwa l-perċezzjoni li d-dixxiplina qed tiġi mminata. Meta jidher li l-amministrazzjoni u ċerti persuni mill-amministrazzjoni u nies oħra qed jaddottaw approċċ aktar akkomodanti lejn priġunieri problematiċi, fejn dan jista’ jwassal għal messaġġ perikoluż: li l-konsegwenzi tal-imġiba ħażina jiġu premjati, u jissgreditaw lill-uffiċjal.
Fil-fatt, f’dan il-każ partikolari, il-priġunier ingħata xogħol ġewwa l-ħabs, akkost ta’ kollox u minkejja l-imġiba ħażina tiegħu lejn l-uffiċjali. Din id-deċiżjoni tqajjem dubji dwar il-kriterji li jintużaw biex jingħataw dawn l-opportunitajiet, u jekk humiex qed jittieħdu b’kunsiderazzjoni l-imġiba u r-rispett lejn il-persunal. Dak li jiġri li jikkuntentaw lil priġunieri bl skuża ta’ rijabilattazjoni. Dan żgur ma’ kienx ser jiġri hekk kieku hawn il-Kurunell Dalli qalilna uffiċjal anzjan. Saħansistra dan il-priġunier jiftaħar li l-ħabs sablu xogħol għax ħiereġ daqt.
Dan il-każ għandu jservi bħala punt ta’ riflessjoni serju dwar kif qed jitmexxew l-istituzzjonijiet korrettivi u x’messaġġ qed jintbagħat mhux biss lill-priġunieri, iżda wkoll lill-ħaddiema li kuljum jiffaċċjaw sfidi diffiċli biex iżommu l-ordni u s-sigurtà.
