Il-każ ta’ Ryan Schembri jkompli jikkonferma kemm iċ-ċaħda tal-bail lil Yorgen Fenech hija politikament motivata

Bħalissa qed tiżvolġi fil-qrati tagħna l-istorja ta’ Ryan Schembri li jiġi l-kuġin ta’ Keith Schembri. Ovvjament, il-każ ta’ parentela ma għandux jkun importanti. Imma dan hu f’ċirkustanzi normali. F’dan il-każ, għandna din il-persuna li sparixxiet minn Malta wara li akkumulat dejn kbir. Issa ħareġ li l-pulizija ma għamlet xejn għal numru ta’ snin biex issib lil dan Ryan Schembri. Dan kien is-suġġett ta’ artiklu f’The Times. Hawn ser nikkwota eżattament minn The Times.

“Times of Malta exposed earlier this month how police only issued an international arrest warrant seven years after Schembri left the island.

Mhux hekk biss, insiru nafu wkoll li l-pulizija Ingliża informat lil dik Maltija li Ryan Schembri kien siefer minn Dubai lejn l-Ingilterra, imma għal xi raġuni jew oħra, ma ttieħdet l-ebda azzjoni. Din hija s-sentenza eżatt ta’ x’qalet The Times.

L-ewwel mistoqsija li trid issir hija min ser jerfa’ din ir-responsabbilita’ fil-korp tal-Pulizija talli ma sar xejn biex jinstab Ryan Schembri jew jinġieb Malta.

Imma hemm aktar affarijiet wara dan il-każ. Mela dan il-bniedem, li b’kumbinazzjoni jiġi l-kuġin ta’ Keith Schembri – li kien ic-chief of Staff tal-Prim Ministru – il-pulizija ma ssibux. Imbagħad l-istess pulizija flimkien mal-uffiċju tal-avukat ġenerali qed toġġezzjona li numru ta’ persuni – kollha marbuta mal-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – jingħataw il-bail. Infakkar li r-raġuni li l-pulizija u l-avukat ġenerali ġabu, b’mod partikolari biex Yorgen Fenech ma jingħatax il-bail hija li dan jista’ jaħrab.

Imma f’dan il-każ ta’ Schembri, din il-persuna mhux biss ħarbet iżda l-istess pulizija l-anqas indenjat tieħu azzjoni biex issibu jew iġġibu lura Malta. Fi kliem ieħor, dan hu każ ieħor li jikkonferma l-fatt kemm hija mhux minnha t-teorija tal-avukat ġenerali u tal-pulizija li Yorgen Fenech ma għandux jingħata l-liberta’ mill-arrest għax jista’ jaħrab. Dan il-bniedem kien maħrub. Il-pulizija ingħatat tagħrif fejn jinsab u xorta ma ġabitux lura. Jidher ċar li f’dan il-każ ta’ Ryan Schembri, il-pulizija stess ħalluh jaħrab.

Ma għandix dubju, li l-pulizja mhux ser tħalli lil Yorgen Fenech jaħrab u anki jekk jaħrab, ma tantx jista’ jdum maħrub għaliex illum hawn il-mezzi u l-pulizija tkun infurmata fejn jinsab u tista’ tintalab l-estradizzjoni tiegħu. Mela aktar u aktar, dan il-każ jikkonferma l-inġustizzja li qed issir fil-qrati tagħna minn ċerti ġudikanti ma’ dawn in-nies li mhux qed jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Dan il-każ jikkonferma kemm fil-qrati mhux vera ssir ġustizzja imma s-sentenzi tal-ħaqq qed jingħataw b’mod arbitrarju jiġifieri mhux skont is-sewwa imma skont il-persuna u skont int min inti.

B’hekk iċ-ċaħda tal-bail lil Yorgen Fenech hija biss “politikament” motivata, jiġifieri mhux għax hemm verament raġuni li jista’ jaħrab imma għaliex hemm intenzjoni primeditata li dan ma jingħatax bail. Dan inaqqas mill-imparzjalita’ li suppost għandhom ikollhom il-qrati tagħna u juri li kollox hu premeditat biex f’dan il-każ mhux verament issir ġustizzja kemm mal-vittma kif ukoll mal-akkużati.  

Leave a Reply

Your email address will not be published.