L-avukat ġenerali jqis il-konnessjonijiet ta’ Yorgen Fenech perikolużi meta l-uffiċju tal-Prim Ministru jaħseb mod ieħor
Is-Sibt li għadda, sar riċeviment kbir fil-Barrakka ta’ Fuq. Kienu mistiedna nies kemm min-naħa tal-Gvern u min-naħa tal-Oppożizzjoni, kif ukoll nies distinti. Dan ir-riċeviment kien marbut mal-ispettaklu tan-nar, il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Fost in-nies distinti kienet mistiedna l-kuġina ta’ Yorgen Fenech. Għal darba oħra, ma hawn xejn ħażin f’dan anki jekk wieħed jistaqsi x’interess għandu l-Prim Ministru li jistiedina? Qed insemmih dan il-każ biss għaliex sa ftit ilu Yorgen Fenech kien fl-aħbarijiet u dawk kollha fil-politika li b’xi mod, anki remot jew każwali kienu konnessi miegħu, kollha ġew attakkati u mwarrba. Kien anki tal-biża’ tiltaqa’ ma’ xi membru ta’ din il-familja.
Dan jgħodd kemm jekk kienu Nazzjonalisti u anki Laburisti. Imma issa, wara li spiċċaw Joseph Muscat u Adrian Delia mix-xena politika, l-epidemija tal-Fenechiijiet tidher li spiċċat u Yorgen Fenech u l-familja tiegħu ma għadhiex importanti għall-media indipendenti tagħna jew ta’ periklu għall-politiċi li saħansitra jkun skandaluż li wieħed jiltaqa’ magħhom..
Wieħed irid iżid li għal din ir-reception kien hemm nies mill-Oppożizzjoni li ħadu sehem f’manisfestazzjonijiet pubbliċi fil-passat jgħidulna kemm il-Fenechijiet huma korrotti. Ara issa ma telqux il-barra bi protesta minn din ir-reception. Anzi tellgħu r-ritratti tagħhom, jixorbu minn fuq dahar il-poplu Malti fil-Facebook page tagħhom. Ara issa l-media independenti ma qaltilna xejn dwar dan il-każ. Infakkar li dawn l-inviti għal din ir-reception ħarġu minn Kastilja. Imbagħad Caroline Muscat trid li niktbu kontra l-gvern meta l-Oppożizzjoni tappoġġja, tixrob u tixxala ma’ dan il-gvern.
U la qegħdin nitkellmu dwar Kastilja, irridu ngħidu li sa ftit ilu, dawk il-ministri u deputati li kienu nvoluti b’xi mod mal-familja Fenech jew Yorgen Fenech innifsu tneħħew jew ma ġewx ri-appuntati ministri. Infakkar li Edward Zammit Lewis ma reġgħax ġie appuntat ministru minħabba li kellu diskursata ma’ Yorgen Fenech. Rosianne Cutajar tkeċċiet minn segretarju parlamentari u ma reġgħetx ġiet appuntata wara l-elezzjoni peress li skont ta’ Repubblika u Mark Camilleri kienet f’relazzjoni ma’ Yorgen Fenech u ħadet senserija minn għandu. Imma mbagħad fuq il-persuni l-oħra marbuta ma’ din il-famuża senserija ma saret l-ebda investigazzjoni. Fuq kollox, il-Prim Ministru, meta mistoqsi jekk qattx il-Partit Laburista ħa xi flus mingħand it-Tumas Group ma ikkummentax. La qal iwa u l-anqas le.
Għalhekk jien ninsisti li l-każ ta’ Yorgen Fenech huwa każ ta’ ipokrezija politika miż-żewġ naħat u għalhekk nemmen li f’dan il-każ qed issir inġustizzja kbira. Mhux għax dan il-bniedem, li qatt ma rajtu f’ħajti, qed jagħtini xi ħaġa kif ġie allegat minn Repubblika u sħabhom, imma għaliex il-ħaqq ma jistax jintuża bħala arma politika kif qed jiġri llum fir-Repubblika ta’ Malta u fil-qrati tagħna. Illum f’Malta kulħadd għandu dritt għall-ħelsien mill-arrest, irrelevanti għal-liema delitt wettaq, ħlief dawk akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Imbagħad l-avukat tar-Repubblika, Philip Galea Farrugia, li jirrappreżenta lill-istat, jrid li l-poplu jemmen li dan il-bniedem hu ta’ periklu pubbliku jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba l-konnessjonijiet li għandu meta l-istat stess ma jħossx li dawn l-istess konnessjonijiet huma ta’ periklu jew ta’ dannu politiku!
