Karol Aquilina jiċħad li meta kien hu president tal-Amministrativ, il-Grupp dB għadda xi flus lill-Partit Nazzjonalista
Qed inġib ittra li rċevejt mingħand Dr. Karol Aquilina biex wieġeb għall-artiklu politiku fi fih saret referenza għall-fatt li d-dB Group kien jagħti flus lill-Partit Nazzjonalista. F’dan l-artiklu ntqal li dawn il-flus kienu qed jgħaddu lill-Partit Nazzjonalista fi żmien meta s-Sur Karol Aquilina kien l-President tal-Amministrativ. L-ittra ta’ Dr. Aquilina hija din:
Għażiż Dr Mercieca,
Qiegħed nerġa’ niktiblek dwar blog ieħor ippubblikat fuq is-sit tiegħek simonmercieca.com ilbieraħ it-Tlieta 26 ta’ April 2022 bit-titlu “Wieħed mir-ribelli li ħadem biex jitneħħa Adrian Delia huwa fil-but tad-db Group” liema blog huwa aċċessibbli fl-indirizz: https://simonmercieca.com/2022/04/26/wiehed-mir-ribelli-li-hadem-biex-jitnehha-adrian-delia-huwa-fil-but-tad-db-group/
Fl-imsemmi blog qed jiġi allegat li “Ma ninsewx li l-Partit Nazzjonalista għadu taħt investigazzjoni fuq flus li s-Segretarju Ġenerali, Rosette Thake, u l-President tal-Amministrattiv, Karol Aquilina, ħadu mingħand id-db Group meta Simon Busuttil kien Kap tal-Partit.”. Jiena niċħad bl-iktar mod kategoriku din l-allegazzjoni fil-konfront tiegħi. Jiena qatt ma ħadt l-ebda flus mingħand id-db Group. Aktar minn hekk bħala Membru Parlamentari jiena ipprotestajt kontra, oġġezzjonajt b’mod formali u kkritikajt b’mod pubbliku il-proġett tad-db Group fuq l-art li fuqha kien hemm l-ITS f’Pembroke u dan kif jirriżulta b’mod ċar minn dawn l-artikli u rapporti ppubblikati fil-mezzi tax-xandir:
https://www.maltatoday.com.mt/news/national/87056/pns_karol_aquilina_joins_thousands_in_filing_formal_objection_to_db_project_on_its_land#.YmeuLNpBxdghttps://timesofmalta.com/articles/view/in-defence-of-pembroke-people-karol-aquilina.689355https://www.maltatoday.com.mt/news/national/87014/no_answers_in_parliament_on_phantom_road_tunnel_crucial_for_db_project#.YmeuadpBxdghttps://newsbook.com.mt/en/live-planning-authority-to-decide-on-db-project/
Għaldaqstant nistenna li mingħajr dewmien tħassar l-imsemmija allegazzjoni tiegħek mill-imsemmi blog u fin-nuqqas li tagħmel hekk tippubblika fuq l-imsemmi sit din il-korrispondenza bħala dritt ta’ risposta skont l-artikolu 15 tal-Att dwar il-Midja u l-Malafama (Kap. 579 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Inselli għalik,
Karol Aquilina
Wara li rċevejt din l-ittra, u qabel ma ppubblikajtha jien ktibt lil Dr. Aquilana biex niċċara xi punt miegħu u għalhekk staqsejtu jekk bit-tweġiba li bagħat bħala dritt ta’ risposta, jien kontx qed nifhem sew li huwa kien qed tinnega li meta kien il-President tal-Amministrativ, il-PN qatt ħa xi flus mingħand id-dD Group?
Sa dalgħodu, qabel ma ġiet ippubblika din ir-risposta, Dr. Aquilina ma kienx għadu tani tweġiba. Nixtieq infakkar lil Dr. Karol Aquilina, li d-dB Group stess kienu qalu li top executives tal-Partit Nazzjonalista kienu talbuhom il-flus. Għalhekk huwa pertinenti ħafna li Dr. Aquilina jwieġeb jekk illum, permezz ta’ din it-tweġiba, qiegħedx jinnega li d-dB Group kienu taw flus lill-Partit Nazzjonalista.
Fuq kollox, wieħed jistaqsi jekk, meta ħarġet din l-istorja fil-media, li d-dB Group kien qed jagħti flus lill-PN, huwa, bħala President tal-Amministrativ, kienx investiga dan il-każ. Fil-kariġa li kellu, bħala President tal-Amministrativ, kellu jkun infurmat min huma d-donaturi tal-Partit Nazzjonalista u jekk kien hemm xi abbużi, kellu l-obbligu li jinvestigahom.
