Għaliex l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika qiegħed jitlef ġuri wara l-ieħor?

Minn qarrej ta’ dan il-blog


Il-ġimgħa li għaddiet, l-avukat ġenerali reġa’ tilef ġuri ieħor. Din hija trend li ilha għal dawn l-aħħar snin. Il-ġurijiet li qegħdin jintrebħu mill-istat huma l-ftit li jkun hemm patteġjament u ma jsirx il-ġuri għaliex l-imputat jammetti fl-ewwel seduta.

Wieħed irid isemmi s-snin twal li jittieħed proċess biex wara li toħroġ l-att tal-akkuża isir il-fażi tal-eċċezzjonijiet ħalli imbagħad isir ġuri.

Problema ewlenija għaliex proċess kriminali qegħdin jieħdu snin huwa l-mod kif l-uffiċju tal-avukat ġenerali qed jittratta lill-maġistrati. Idumu x-xhur jew snin biex joħorġu l-att tal-akkuża jew artikoli biex kawża tkun deċiża mingħajr il-bżonn ta’ ġuri. Mhux l-ewwel darba li kont f’xi awla u nisma’ li l-process li kien rinvjat ma wasalx mill-AG jew li l-proċess wasal ġurnata qabel bl-uffiċjal prosekutur jgħid li ma kellux żmien iħarrek xhieda indikati fin-nota ta’ rinviju.

Fil-kurituri tal-qorti jissemma’ ħafna kif l-uffiċju mar ferm lura kemm ilu b’pożizzjoni ta’ influwenza Deputat Avukat Generali Philip Galea Farrugia. Jissemmgħu ismijiet ta’ avukati li telqu minn hemm li jew saru magistrati jew inkella qegħdin jagħmlu suċċess fil-professjoni legali tagħhom.

Meta jissemma dewmien rari jissemma l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali li għandu madwar 80 ġuri pendenti li bi ftit sforz anke jkun hemm pattegjamenti kif ukoll min jaf kemm il-kawża qegħda tistenna li jinħarġu l-artikoli jew att ta’ akkuża biex ikunu deċiżi.

Jingħad li Philip Galea Farrugia ried isir imħallef, li hu żgur li ismu ma’ kienx mal-għaxra shortlisted li kienu jikkwalifikaw!

Meta jkun hemm twebbies tal-irjus ikun hemm it-telf. Jidher li strateġiji li jużaw l-uffiċju tal-AG mhux iħallu frott anzi f’ġuri wara l-ieħor joħorġu telliefa. Min se jerfa’ l-piż li jkollok traffikanti jiġru barra għal snin twal u joħorġu liberati? 

Min se jerfa’ piż li xi stupratur jispiċċa jiġri mas-saqajn għax l-AG ma preżentax każ b’saħħtu quddiem il-ġurija? U jekk hemm ċans li ġuri jintilef għaliex ma jmorrux għal inqas imma jkun aktar ċans għar-rebħ quddiem qorti tal-magistrati?

Mhux nitkellmu fuq omiċidji għax dawk il-pieni hi ferm għolja minn dik quddiem maġistrati. Biss f’din il-ġimgħa rajna persuna tgħaddi ġuri fuq kilo ħaxixa!

Hemm bżonn il-gvern jagħraf il-problema kbira li hemm fl-uffiċju tal-AG u jara għaliex madwar 14-il avukat telaq minn hemm? Il-kundizzjonijiet finanzjarji żdiedu, mela mhux din ir-raġuni, imma jidher li hi waħda ta’ attitudni.

One comment

Leave a Reply