The Times tkompli bil-pressjoni fuq il-Ministru Zammit Lewis biex tipproteġi l-gideb ta’ Melvin Theuma?

Jacob Borg, ġurnalist tat-Times of Malt ħass li llum kellu jagħtina storja fuq l-ewwel faċċata fejn qed jgħid li Yorgen Fenech offra lil Ministru Zammit Lewis jobs għal kostitwenti tal-istess ministru. Storja li tħallik skantat għalfejn inkitbet issa għax qisu l-ewwel darba li ministru jsib li jagħmel xi arranġamenti ma’ xi businessman li jekk ikun hemm il-possibilita’ jidħlu jaħdmu mal-individwu xi kostitwenti. Għall-inqas xogħol fil-privat u mhux arranġament biex wieħed jidħol jaħdem mal-Gvern jew xi kumpanija tal-gvern. Biss xorta mhux qed ngħid dan biex napprovah. Anki jekk wieħed irid jgħid li r-rakkommandazzjonijiet jeżistu f’kull tip ta’ job u xi drabi huma anki rikjesti mingħand min qed joffri x-xogħol.

Biss hawn qed nitkellmu fuq kumpanija privata. L-agħar meta l-kumpaniji jkunu pubbliċi. Ħa nsemmi isem wieħed ta’ kumpanija u nħalli lil kulħadd jaħseb u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu, il-Freeport. Fuq kollox, kellna t-tifel ta’ Eddie Fenech Adami nnifsu, Michael, li spiċċa jaħdem ma’ ta’ Tumas meta kien qed jinbena l-proġett ta’ Portomaso, li kien proġett kontroversjali ħafna. Kellna d-DB li bħala wieħed mid-diretturi kellu b’kumbinazzjoni ex-Ministru Nazzjonalista Francis Zammit Dimech. Waqt li sew illum tagħmel il-media li titkellem fuq dawn l-affarijiet, biss dawn l-istejjer ftit ittrattahom fil-passat.  

Għalhekk, ġiet meta ġiet din l-offerta jew dan l-arranġament, żgur li mhux se jġibli għajnejja wara widnejja. Min, bħali, ilu jgħix fuq din il-gżira, dawn l-affarijiet żgur li mhux se jiskantawh.

Il-mistoqsija prinċipali li għandha ssir hawnhekk hija din. Għaliex ħerġin issa dawn l-affarijiet? X’hemm moħmi wara dawn l-istejjer li żgur ilhom għand ċerti individwi ħafna iżjed minn hekk? Jiena ċert li dawn ic-chats kienu parti minn dawk, li biddlu l-idejn, meta ħarġet ic-chat tal-famuża stedina għal ikla li kienet issemmiet fic-chats bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech. Mela meta dawn kienu għad-dispożizzjoni għand il-media daqshekk fit-tul, għala din l-istorja toħroġ issa u mhux qabel?

It-tweġiba mogħtija mill-Ministru Zammit Lewis hija f’waqtha u naħseb sinċiera, għax kien qed jagħmel bħal kull Ministru li eżista minn wara l-Indipendenza ‘l hawn, – u anki qabel ukoll:

As a politician and representative of the people, I try to help my constituents in many ways, this includes guiding them to find employment. This, irrespective of whether it is in the public or the private sector, is on a merit basis. This is a normal practice among politicians, particularly members of parliament”.

Fuq kollox, l-artiklu tat-Times isemmi lil Rosianne Cutajar għax meta kienet sindku Qormi għamlet l-istess.

Biss l-ikbar problema hija għaliex issa qed jissemmu dawn ic-chats. Rosianne Cutajar l-anqas hija l-focus ta’ din l-istorja u dan ikompli jikkonferma li dan hu attakk dirett lejn Zammit Lewis għaliex inzerta l-ministru tal-ġustizzja.

Din l-istorja ħarġet wara li jien il-bieraħ għidt li Bernard Grech ma kellux l-appoġġ tal-grupp parlamentari fit-talba li għamel għat-tkeċċija ta’ Zammit Lewis. B’hekk il-mistoqsija tiġi waħidha. Tgħid qed jitfaċċaw issa għax hemm min jinteressah li din it-talba tkompli tissaħħaħ? Tgħid hemm min jaqbillu li din it-tkeċċija ssir? Tgħid hemm min qed jgħin xi politiku ieħor li se jkun qed jikkompeti mal-Ministru fuq it-tmien distrett?

Fuq kollox u l-aktar importanti, din l-istorja ħarġet issa għaliex qed iqumu dubji serji dwar il-kredibilita’ ta’ Melvin Theuma. Joseph Muscat stess, li ta l-maħfra lil Melvin Theuma qed juri dubji dwar il-kredibilita’ ta’ dan ix-xhud.  Quddiem dawn l-iżviluppi, il-Ministru tal-Ġustizzja huwa obbligat li jara li dan ix-xhud ikun kredibbli u ma jigdibx. Jekk iħoss li qed jigdeb għandu jieħu d-deċizzjonijiet u jagħmel ir-rakkommandazzjoni kollha meħtieġa skont il-liġi. B’hekk tiġi l-aħħar mistoqsija. Hemm konnessjoni bejn dawn l-istejjer kontra Zammit Lewis u l-protezzjoni ta’ xhud li ħareġ ċar li qed jigdeb taħt ġurament u dak li qal fir-rigward tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma għadux kredibbli? Bħala ministru tal-ġustizzja irid jieħu azzjoni jekk xhud li ngħata l-proklama presidenzjali jinqabad jigdeb kif fil-fatt ġara.

Jien il-ħobz minn ħalqi nieklu!

One thought on “The Times tkompli bil-pressjoni fuq il-Ministru Zammit Lewis biex tipproteġi l-gideb ta’ Melvin Theuma?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *