Il-Gender Correction Mechanism

Minn Osservatur Politiku
L-aħħar elezzjoni reġgħet fetħet wieħed mill-aktar dibattiti sensittivi u kontroversjali fil-politika Maltija: il-gender corrective mechanism u l-mod kif qed jinbena l-Parlament tagħna.
Din id-darba, il-fatti huma ċari u diffiċli biex jiġu injorati. Għax filwaqt li għaxar nisa rnexxielhom jiġu eletti direttament bil-ħila tagħhom stess — u tnejn minnhom saħansitra ġew eletti minn żewġ distretti differenti — il-mekkaniżmu korrettiv se jżid tnax-il mara oħra fil-Parlament.
Dan ifisser li kważi nofs in-nisa fil-Parlament mhux se jkunu ġew eletti direttament mill-vot popolari fil-mod tradizzjonali, iżda se jidħlu permezz ta’ sistema korrettiva.
U hawnhekk qed tqum mistoqsija importanti ħafna li pajjiżna ma jistax jibqa’ jevita: il-mekkaniżmu kif inhu mfassal illum għadu qed isaħħaħ id-demokrazija, jew qed jibda jdgħajjef il-prinċipju fundamentali tal-mertu u r-rappreżentanza elettorali?
Il-problema mhijiex il-preżenza tan-nisa fil-politika. Bil-maqlub. Il-fatt li għaxar nisa ġew eletti direttament huwa żvilupp pożittiv ħafna u għandu jiġi ċċelebrat. Juri li aktar nisa qed jirnexxielhom jiksbu l-fiduċja tal-elettorat bil-kapaċitajiet, il-ħidma u l-konvinzjoni tagħhom.
Fil-fatt, il-fatt li żewġ nisa rnexxielhom jitilgħu minn żewġ distretti differenti huwa sinjal ċar li l-elettorat Malti qed isir aktar miftuħ biex jeleġġi kandidati nisa fuq il-mertu tagħhom.
Dan huwa l-mod naturali u b’saħħtu kif għandha tavvanza rappreżentanza femminili fil-politika: permezz tal-fiduċja diretta tal-votant.
Iżda mbagħad tidħol il-kontradizzjoni kbira.
Għax filwaqt li għandna kandidati li għaddew minn kampanja sħiħa, ġabru eluf ta’ voti u kisbu mandat ċar mill-elettorat, se jkollna wkoll membri parlamentari li jidħlu fil-Parlament minkejja li kisbu livelli baxxi ħafna ta’ appoġġ dirett.
Il-fatt li ser ikollna membru parlamentari li fl-ewwel count ġabet biss 162 vot huwa argument li inevitabbilment qed iqajjem reazzjonijiet qawwija fost ħafna nies.
Għax f’għajnejn ħafna votanti, dan jidher diffiċli biex jiġi ġġustifikat demokratikament.
Kif jista’ jkun li kandidat li kiseb appoġġ limitat ħafna mill-elettorat jispiċċa fil-Parlament, filwaqt li kandidati oħra li kisbu ħafna aktar voti jibqgħu barra?
Din mhijiex mistoqsija kontra n-nisa. Hija mistoqsija dwar il-prinċipju demokratiku nnifsu.
Meta nħoloq il-gender corrective mechanism, l-intenzjoni kienet waħda pożittiva u leġittima. Għal ħafna snin, il-Parlament Malti kellu rappreżentanza femminili baxxa ħafna meta mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra. Kien hemm argument validu li s-sistema elettorali u l-kultura politika kienu qed jagħmluha aktar diffiċli għan-nisa biex jidħlu fil-politika. Għalhekk inħoloq mekkaniżmu temporanju biex jikkoreġi dan l-iżbilanċ.
Iżda kull mekkaniżmu korrettiv għandu dejjem jiġi evalwat skont ir-riżultati tiegħu u skont jekk għadux proporzjonat mar-realta’ politika tal-lum. U llum il-kuntest jidher differenti ħafna minn dak ta’ ftit snin ilu.
Il-fatt li għaxar nisa ġew eletti direttament huwa sinjal ċar li hemm progress reali. Ifisser li aktar nisa qed jirnexxu mingħajr il-bżonn ta’ intervent straordinarju. Dan huwa pożittiv u għandu jkompli jiġi inkoraġġit.
Madankollu, meta l-mekkaniżmu jibda jwassal għal sitwazzjonijiet fejn kandidati b’ammont żgħir ħafna ta’ voti jispiċċaw fil-Parlament, il-leġittimita’ tas-sistema inevitabbilment tibda tiġi mistoqsija.
Forsi wasal iż-żmien għal diskussjoni aktar matura u bilanċjata dwar kif għandu jiġi riformat dan il-mekkaniżmu.
Il-problema hi li kull diskussjoni dwar dan is-suġġett malajr issir emozzjonali jew ideoloġika. Min jikkritika l-mekkaniżmu ħafna drabi jiġi akkużat li hu kontra l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Iżda dawn huma żewġ affarijiet kompletament differenti.
Wieħed jista’ jemmen bis-sħiħ fil-ħtieġa ta’ aktar rappreżentanza femminili fil-politika u fl-istess ħin jistaqsi mistoqsijiet leġittimi dwar il-mod kif qed jiġi applikat il-mekkaniżmu.
Fil-fatt, wieħed jista’ saħansitra jargumenta li l-mekkaniżmu kif inhu llum jista’ jagħmel ħsara lill-istess nisa li suppost qed jgħin. Għax ħafna mill-kandidati nisa li ġew eletti direttament bil-mertu tagħhom stess jispiċċaw fl-istess kategorija pubblika ma’ kandidati li jidħlu b’numri ta’ voti ferm aktar baxxi. Dan jista’ jnaqqas il-perċezzjoni tal-mertu tagħhom, minkejja li huma kisbu mandat elettorali qawwi u ġenwin.
Dan mhux ġust lejn dawk in-nisa li ħadmu u ġġieldu biex jiksbu l-fiduċja tal-elettorat direttament.
F’demokrazija, il-prinċipju tal-mertu u tal-għażla popolari għandu jibqa’ ċentrali. Kull sistema korrettiva trid toqgħod attentissima biex ma toħloqx sens ta’ inġustizzja jew distakk bejn il-votant u r-rappreżentanza parlamentari.
Il-poplu jrid iħoss li l-vot tiegħu għandu piż ugwali u li l-Parlament jirrifletti kemm jista’ jkun ir-rieda diretta tal-elettorat.
Naturalment, dan ma jfissirx li għandna nirritornaw għal sistema fejn il-parteċipazzjoni tan-nisa tibqa’ baxxa. Il-progress li sar għandu jinżamm u jissaħħaħ. Iżda forsi hemm modi oħra kif dan jista’ jsir.
Forsi l-enfasi għandha tkun aktar fuq li jiġu mħeġġa aktar nisa jidħlu fil-politika, jingħataw aktar opportunitajiet fil-partiti u jingħataw aktar viżibilita’ matul il-kampanji.
Forsi wasal iż-żmien li l-partiti nfushom jerfgħu aktar responsabilita’ biex jippromwovu kandidati nisa b’saħħithom u kompetenti, aktar milli jiddependu fuq mekkaniżmi korrettivi wara l-elezzjoni.
Dan ikun mudell aktar sostenibbli u aktar b’saħħtu demokratikament.
Il-verita’ hi li l-politika Maltija qed tinbidel. L-elettorat qed jinbidel ukoll. U l-fatt li aktar nisa qed jiġu eletti direttament huwa prova ċara ta’ dan.
Għalhekk, aktar milli nibqgħu nittrattaw il-gender corrective mechanism bħala suġġett tabu, għandna nibdew diskussjoni serja u matura dwar il-futur tiegħu.
Mhux biex innaqqsu r-rappreżentanza femminili. Iżda biex niżguraw li kull progress iseħħ b’mod li jsaħħaħ — u mhux idgħajjef — il-fiduċja tal-poplu fid-demokrazija parlamentari tagħna.
