Il-Partit Nazzjonalista ma jridx ikollu x’jaqsam aktar ma’ Manuel Delia

Fl-aħħar il-Partit Nazzjonalista qalha; ma jridx ikollu x’jaqsam aktar ma’ Manuel Delia. Fl-aħħar għamel waħda tajba l-Partit Nazzjonalista. Kien ilni ma ngħid li qed jara d-dawl, imma fuq din ngħidlu PROSIT. Fl-aħħar iddisoċċja ruħu minn dak li kiteb Manuel Delia fuq Adrian Delia wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ tliet imħallfin.

Il-vilta’ ta’ Manuel Delia ma fihiex limitu. Trid tkun verament bla qalb biex tikkontribwixxi xi ħaġa lil xi ħadd li ma tkunx veritiera. Qrajt ir-rapport kollu u l-konklużjoni li wasal għaliha Manuel Delia, minn imkien ma stajt nasal għaliha jien.

Erġajt qrajt dak li kiteb u s-silta li kkwota għal tliet darbiet, forsi nara jekk kienx hemm xi ħaġa li ma fħimtx jien. Imma dejjem l-istess fħimt u nerġa’ nsostni li Manuel Delia ma għandux raġun. Jista’ jwassal kemm irid messaġġi, posts, itella’, jniżżel għax issa emmint bl-akbar serjeta’ fejn irid jasal dan ir-raġel bla skrupli.

Li tgħaddi kummenti fuq xi ħadd li għandek prova tagħhom naċċettaha, imma li ċċappas lil xi ħadd b’xi ħaġa li mhux tiegħu, hija viljakkerija bla limitu. Dan hu l-mod kif jaħdem dan il-bniedem.

Imma l-isfortuna hi li dan Manuel Delia għandu vizzju jara t-traba f’għajn ħaddieħor u ma jħossx it-travu li jkollu f’għajnejh. Isimgħu minni. Jekk tridu taraw kif jasal biex jiskuża ruħu anke fuq il-balbuljata tal-Arriva, isimgħu il-podcast tiegħu ma’ Jon Mallia. Mela Malta kollha maħruqa bil-pastażata kif pajjiżna ġiet imponuta fuqu sistema ta’ trasport tal-qamel u Manuel Delia jipprova jfaħħar lilu nnifsu ta’ kemm irnexxielu jagħmel xorti. Isimgħuh u titwerrċu.

Jgħidilkom ukoll li hu kien inkarigat mill-mossa tal-monti. Qed ngħidilkom titgħaxxqu bil-gost. Għax ma għamel l-ebda żball is-Sur Arriva. Kien tajjeb f’kollox u nista’ nimmaġina kemm kien ferħan bih Austin Gatt. Imma biex taraw il-pompożita tiegħu tridu tisimgħu dak li għidtilkom. Saħansitra jasal biex jgħid li meta tefa’ l-ħmieġ tal-annimali fit-triq ma kienx it-tort tiegħu imma tax-xita.

Naqilbu fuq dak li kiteb dwar Adrian Delia. Wera kemm għadu jżomm f’qalbu għal Adrian Delia meta ma tahx dak li ried biex ikun il-ghostwriter tiegħu. Manuel Delia ma aċċettax il-fatt li l-Partit Nazzjonalista ma setgħax iħallsu għal kitbitu kemm kien qed jitlob. Ma niżlitlux li hu kien se jibqa’ barra mill-partit jew ma kienx se jarda xi ħaġa mill-Partit Nazzjonalista. Issa Deo Gratias il-partit iddissassoċċja ruħu minnu.

Almenu ma jistennewx xi telf kbir ta’ voti minħabba fih. Il-Partit Nazzjonalista diġa’ daq tnaqqis ta’ voti minħabba fih. Jekk hawn xi ħadd jaħseb li l-Arriva ma telfitx voti lill-Partit Nazzjonalista għandu żball kbir. Jekk xi ħadd jażżarda jgħid li d-disfatta ta’ Manuel Delia fuq livell personali fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 ma kienetx minħabba l-Arriva, ikun qed jgħix f’ħajja tal-ħolm.

Min jaħseb li b’dak li jikteb qed jinfluwenza fit-tajjeb lil xi elettur, jiddispjaċini ngħidlu li qed joħlom. Jekk mingħalih Manuel Delia qed jgħaqqad is-Soċjeta’ Ċivili, qed isaħħaħ il-membri tagħha jew qed iżid in-numru għal Repubblika qed jgħix b’rasu mgħaddsa ġor-ramel.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *