Evarist Brtolo jrid ixammar u jaħdem: id-diplomazija ma titmexxix b’Facebook posts.

Blog post minn osservatur politiku

Evarist Bartolo huwa l-iktar Ministru li m’għandux jitkellem bħalissa fuq ir-riżultat tal-FATF. Dan ir-raġel, bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin, suppost li kien jaf eżatt dak kollu li kien qed jgħidu t-tliet pajjiżi li kienu se jivvutaw kontra Malta u b’hekk Malta titpoġġa fuq il-lista l-griża. Dan huwa l-Ministru li suppost kien l-iktar infurmat b’mod dirett bir-rapurtaġġ tar-rappreżentanti Maltin fit-tliet Ambaxxati jew Kummissjoni Għolja tal-pajjiżi konċernati. Inżerta li fit-tliet pajjiżi, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għandu rappreżentanza tal-għola livell.

Il-Ministru Bartolo għandu jagħti rendikont billi jgħid lill-poplu kollu x’fihom dawn ir-rapporti li suppost irċieva, jekk irċieva, minn għand dawn it-tliet persunaġġi f’postijiet strateġiċi ta’ pajjiżna. U mela joqgħod jgħidilna x’qallu wieħed li kien Nazzjonalist u issa se jivvota lill-Partit Laburista. B’hekk tkun qed turi biss il-mod dilettantesk li qed tmexxi wieħed mill-Ministeri tant delikati u sensittivi tal-pajjiż.

Taf x’tgħidilna Sur Ministru, kemm ilek ma tmur l-Amerika, l-Germanja u l-Ingilterra? Forsi tgħidilna wkoll jekk mortx tinnegozja ma’ xi awtorita’ ta’ dawn il-pajjiżi b’mod dirett, jiġifieri wiċċ imb’wiċċ. Hemm tkun qed turina kemm int tħobb lil pajjiżek, mela toqgħod tippontifika fuq il-Facebook page tiegħek dwar x’qallek Nazzjonalist. Jekk qed taħseb li l-Partit Nazzjonalista lest li jgħerreq il-vapur, jista’ jkun imma jkunu qed jagħmluh b’mod indirett billi jattakkaw lill-Gvern, biss int għamiltu b’mod dirett għax ma qdejtx dmirek u ma mortx tinnegozja mal-pajjiżi konċernati, li fuq kollox huwa parti integrali minn xogħolok ukoll.

L-isfortuna għal dan il-pajjiż hija li tant għandna oppożizzjoni fqira u bla strateġija politika, li veru qed turi li qed tagħmel il-ħsara lill-pajjiż, speċjalment b’dik l-ittra nfami li ntbagħtet lill-FATF. Imma Ministru Bartolo tippruvax tipponta subgħajk lejn il-Partit Nazzjonalista meta int għandek tlett swaba jħarsu lejk, kumbinazzjoni eżatt daqs in-numru ta’ pajjiżi li int suppost żort biex tinnegozja u allura tkun qed tgħin lil sieħbek Clyde Caruana.

Meta dak ir-raġel li ġie ikellmek qallek li ma jistax jissaporti lill-Partit Nazzjonalista li qed jagħmel tant ħsara lill-pajjiż u lill-poplu. Jista’ jkun għandu raġun. Imma ejja ma nilgħabuhiex tal-verġni u puri, meta nistgħu nelenkaw x’għamel il-Partit Laburista meta kien fl-Oppożizzjoni. Jekk insemmu biss it-terturi li ħa pajjiżna biex dħalna fl-Unjoni Ewropeja biżżejjed. U meta niftakru xi tfisser illum għalina l-Unjoni Ewropeja, jkollhom raġun li n-nazzjonalisti ma jimpressjonawhx irwieħom b’dan id-diskors.

Saqsi lil Robert Abela x’ġab mill-Unjoni Ewropeja fl-aħħar żjara li għamel? Minn fejn kien se jġibhom dawk il-miljuni, jekk forsi hux mill-Isviżżera fil-Mediterran. Evarist Bartolo kompla jgħidilna li n-Nazzjonalisti jridu jaraw li Malta tmur lura fuq ħafna livelli u b’hekk il-partit fl-oppożizzjoni jkun jista’ jieħu l-gvern. Imma skużi, Joseph Muscat x’għamel biex rebaħ il-Gvern, mhux kisser kull ma kien qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Mhux dejjem hekk, li biex tirbaħ il-gvern irid jitkisser l-istess Gvern li jkun fil-poter. L-istorja tkun qed terġa’ tirrepeti ruħha. Xejn ġdid. Anki meta qal li n-Nazzjonalisti jobogħdu lill-Partit Laburista aktar milli jħobbu lil Malta. Għaliex xi ħaġa ġdida? Tiftakar li għajjartu lin-Nazzjonalisti sriep valenużi, li kontu se tmorru għalihom bil-mannara, li kellhom DNA ħażina jew marida, ma niftakarx eżatt.

Għalfejn qed tuża dawn l-eżempji Sur Ministru, biex tiżra aktar ħdura? Għax ma għandniex biżżejjed fil-pajjiż!

Sur Ministru l-eżempju ikaxkar u allura jekk tixtieq taqta’ dawn il-battibekki li int qed tgħidilhom mhux maturi, u jekk trid tgħolli l-livell tal-politika Maltija fuq livell aktar matur, li għandek tagħmel hu li tibda’ int stess tnaqqas jew telimina dawn il-facebook posts tiegħek li xi kultant jinstigaw battibekki u anke affarijiet oħra agħar. Trid l-ewwel turi kemm int matur int u tgħaddi sinjali ta’ għaqda mhux diviżjoni.

Leave a Reply