Where your opinion counts

Tar-Repubblika daħħlu lill-Prim Ministru fil-ħajt dwar kif issir l-għażla tal-Imħallfin

Normalment nikkritika lill-Partit Nazzjonalista u nwissi li tar-Repubblika qed idaħħlu lil dan il-partit ġol-ħajt. Din id-darba jkolli ngħid li anki lill-Prim Ministru Robert Abela rnexxilhom idaħħluh fil-ħajt! Għaliex?

Dak li jiġri meta gvern jgħaġġel u jaġixxi mingħajr ma jistudja sew dak li jkunu qed jitolbu tar-Repubblika. Ġa kelli l-okkazzjoni nuri li żballjaw dwar kif kellu l-president jaħtar il-kap tal-oppożizzjoni. Il-President kien intelligenti u ma tax każ dak li kienu qed jgħidu. Imbagħad kien hemm il-proposta ta’ kif għandhom ikun appuntati l-imħallfin. Jien qiegħed on record li ma qbiltx mal-kambjamenti proposti. Għalija l-imħallfin kellhom jibqgħu jintgħażlu mill-Prim Ministru tal-ġurnata. L-alternanza fil-poter, bħal ma jiġri fl-Amerika, tiggarantixxi ġudikanti minn sferi politiċi differenti. Fuq kollox, dawk fuq il-bank tal-ġudikatura li ġew mill-politika dejjem urew ekwita u taw l-aħjar ġudizzji. Tar-Repubblika anki din is-sistema kissru. Dan għaliex? Għax Robert Abela beża’ minnhom. B’hekk telaq minn idejh il-poter li kellu li jaħtar l-imħallfin huwa. Basta dan il-gvern għandu balla konsulenti mħallsin il-belli liri mit-taxxi tagħna!

Ara issa x’ġara? Il-qorti Ewropea tat id-deċizzjoni tagħha u qalet li s-sistema li kellna kienet tajba. Din qalet li l-Prim Ministru kellu kull poter jirrakkomanda ismijet ta’ imħallfin lill-President ta’ Malta wara li jkunu ġew identifikati minn kummissjoni indipendenti. Mela l-Prim Ministru telaq jiġri u neħħa dan il-poter minn idejh għax beża li jinqabad mill-Ewropa li kien qed jagħmel xi ħaġa ħażina għax hekk qalulu tar-Repubblika.

B’hekk biddel is-sistema għax beża’ minn tar-Repubblika u żewġ avukati għorrief li jippreżentawhom. Kemm ixxenjaw iż-żewġ avukati ċelebri, Simon Busuttil u Jason Azzopardi f’isem tar-Repubblika. Kemm hi ħaġa tistona li membri ta’ partit politiku ressqu każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea f’isem l-għaqda Repubblika. Il-Qorti Ewropea issa ħarġet bid-deċiżżjoni tagħha li ma taċċettax dak li ressqu Tar-Repubblika u dawn xorta joħorġu jiftaħru li għamlu rebħa. Għaliex? Għax xorta ġabu lill-Prim Ministru fejn riedu. Biss xorta ngħid li ma rebħux. Żgur li tilfet Malta.

Il-moħħ jibda jitħawwad u jistaqsi, kif tlift u toħroġ tgħajjat li erbaħt? Imbagħad dawn kienu jikkritikaw lil Alfred Sant li kien ħareġ jgħajjat li hu kien rebaħ ir-referendum meta fattwalment kien tilfu. Issa għax hemm involuti żewġ avukati ċelebri, qalu li kieku ma għamlux il-kawża huma ma kienx isir it-tibdil mill-Prim Ministru. B’hekk qalu li l-gvern għamel rebħa pirrika, jiġifieri rebaħ meta fil-fatt tilef għaliex il-kambjamenti li riedu xorta saru.

Qares l-għeneb għal Repubblika la ma rnexxiliex tilħquh. Veru logħob bid-diskors għax meta toħroġ sentenza kontra dak li tlabt ma tista’ qatt tgħajjat vittorja. Anzi turi li dak li tlabt u li sar kien tibdil għall-agħar u mhux għall-aħjar.

Issa niġu għall-Prim Ministru Robert Abela. Dan kif infetħet il-kawża twerwer. Telaq mill-ewwel bil-ħsieb li jbiddel is-sistema tal-ħatra tal-imħallfin. Imma ddejjaq jgħidilna li ried jintgħoġob mal-Kummissjoni Ewropea biex forsi ibenġel ftit mir-reputazzjoni ħażina li qiegħda ġġorr Malta bħalissa. Forsi qed jaħseb li jekk jakkomoda lil tar-Repubblika kien ser ikun qed jibgħat messaġġ li hu lest li jakkomoda lill-Kummissjoni Ewropea.

Din id-deċiżżjoni meħuda tal-Qorti Ewropea tal-ġustizzja wrietna li f’pajjiżna, bħalissa, għandna gvern li mhux mogħni b’imħuħ tajbin. Urietna li għax bżajna, għaġġielna. Għax twerwirna, bdilna. L-anqas għandna l-konsolazzjoni li almenu bdilna għall-aħjar għaliex bir-raġun, l-avukata Anna Mallia qedha tagħmel kawża kostituzzjonali għaliex skont il-fehma tagħha, l-għażla tal-Imħallfin, b’din is-sistema l-ġdida, ma saritx skont kif titlob il-kostituzzjoni.

Issa nirringrazzjaw Tar-Repubblia għal din it-taħwida kollha. L-aqwa li tar-Repubblika qed jifirħu għax tilfu. Jieħdu l-preġju fejn żgur ma jistħoqqilhomx u ser jibqgħu nfakkra li komplew għarqu s-sistema ġuridika ta’ pajjiżna.

Id-deċizzjoni tal-lum ħawdet l-imħuħ. Min tilef rebaħ. Min twerwer biddel. Insomma ħawwadni ħa nifhem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *