Where your opinion counts

Għaliex il-PN mhux qed javvanza mal-elettorat?

Blogpost minn osservatur politiku.

Hekk kif Malta kollha xxukkjata b’dak li qed joħroġ mill-qorti kemm dwar il-qtil makabru tas-sinjura Daphne Caruana Galizia kif ukoll dwar ix-xibka ta’ korruzzjoni organizzata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, is-sondaġġi jibqgħu juru li l-poplu jippreferi Gvern Laburista. Imma għaliex? Ħsibt ħafna dwar dan. Naf li inti, Dr. Simon Mercieca, għandek esperjeza diretta għaliex kont ġejt mitlub mill-PN biex flimkien ma’ numru żgħir ta’ professjonisti tagħmlu r-rapport tat-telfa tal-2013. Din żgur servitek biex tifhem iżjed il-profil tal-votanti.

Sfortunatament, il-PN ma jitgħallem qatt u xejn minn dan ir-rapport. Ma tgħallimx meta rebaħ fl-2008 b’sufa. Dak inhar il-partit li kellu lil Paul Borg Olivier Segretarju Ġenerali, minflok ma għaddas rasu biex jersaq qrib in-nies, kompla jdejjaq liż-żgħir, lill-ħaddiema, lis-self-employed u lis-soċjeta kollha.

Wara t-telfa ġganteska tal-2013, il-PN immexxi minn Simon Busuttil reġa’ ma tgħallimx. Minflok ma ra l-Panama Papers bħala bonus, rema t-tarbija mal-ilma tal-banju u waqaf jitkellem dwar il-problemi li jiffaċċjaw il-ħaddiema ta’ kuljum. Minflok, resaq lejn l-elezzjoni b’issue waħda biss: il-korruzzjoni. Ma għarafx jispjega kif il-korruzzjoni hi biss parti minn problema ikbar. Fuq kollox, wera li l-Gvern Laburista ma kienx jaf imexxi l-ekonomija għax ma kienx kapaċi jippjana fit-tul bħalma għamel Fenech Adami, infexx jitkellem biss fuq il-korruzzjoni. Il-problema kienet li f’moħħ in-nies kienet għadha friska l-memorja ta’ gvern Nazzjonalista li wkoll kellu elementi korrotti fi ħdanu.

Wara telfa kolossali oħra, mhux mistħoqqa, il-PN beda jipprova jara d-dawl. Il-kunsilliera tiegħu warrbu lil dawk li kienu parti mill-problemi tal-passat u għażlu kap li tela’ bil-wegħda li jersaq qrib in-nies u jitkellem fuq il-problemi tan-nies. Hekk ipprova jagħmel Adrian Delia bl-għajnuna tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u ftit deputati oħra.

Imma dawk l-istess deputati li ma kienux jafu x’inhuma l-problemi tan-nies għaliex geddumhom fix-xgħir, għamlu rewwixta u ħadmu biex ikissru l-immaġini l-ġdida li beda jibni l-PN. Waqt li Delia beda jipprova jibbilanċja bejn il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u problemi tal-ħajja ta’ kuljum li kienu qed jiffaċċjaw il-familji, tal-klikka kienu jimblukkawh milli jattendi protesti u vġili iżda wara jgħidu li fuq il-korruzzjoni Delia ma riedx jitkellem.

Kienu laqmu lill-Partit tagħhom stess ‘Labour 2’. Strateġija maħmuġa li tathom il-frott għaliex bl-għajnuna tal-gazzetti bl-Ingliż, taw impressjoni li l-PN taħt Delia ma kienx jitkellem dwar il-korruzzjoni. B’hekk, kull sondaġġ li kien isir, dawk li tradizzjonalment dejjem ivvutaw lill-PN, iżda li belgħu l-għajta li Delia ma jridx jitkellem fuq il-korruzzjoni, kienu jwieġbu li mhux se jivvotaw.

Fil-fatt, jekk taraw is-sondaġġi tal-lum, kulma akkwista Bernard Grech huma lil dawn in-nies li issa qed jgħidu li se jivvotaw PN. Iżda avvanz iżjed minn hekk il-PN għadu m’għamilx. Minflok, issa hemm min kien jappoġġja lil PL li qed jgħid li mhux se jivvota, allura awtomatikament il-persentaġġ tal-labour naqas xi ftit, iżda mhux għax żied il-PN. Jidher ċar li dawk li reġgħu ħakmu lill-PN reġgħu lura għad-diska ta’ qabel, korruzzjoni biss. Baqgħu ma tgħallmux li n-nies tiffavorixxi lil min irid gvern nadif iżda jrid ikun Gvern li jsolvilhom il-problemi, Gvern li jisma u Gvern li jaġixxi mhux jistaħba wara l-Awtoritajiet kif kienu jagħmlu l-Ministri Nazzjonalisti kull meta kien ikellimhom xi ħadd fuq problema.

Biss jekk xi ħadd jaħseb li r-raġuni tinsab f’dak li kiteb Peppi Azzopardi fl-Illum, jiġifieri li jekk issir elezzjoni llum il-PL jerġa jirbaħ, għax in-nies mhux lesta tammetti li żbaljat meta għażlet Labour sejjer żball kbir. Wara għaxar snin fil-gvern, ikun normali li n-nies tbiddel. Ma ħassitx li żballjat meta wara għaxar snin bgħatet lil Borg Oliveri fl-oppożizzjoni fl-1971 wara li tagħtu rebħa fl-1966. Ma ħassitx li żballjat li wara għaxar snin ridet tibgħat lil Mintoff fl-oppożizzjoni wara li tagħtu rebħa kbira fl-1976. L-istess għamlet ma’  Eddie Fenech Adami. Wara li tagħtu rebħa kbira fl-1992, bgħatitu fl-oppożizzjoni fl-1996. In-nies ma tiddefendi qatt l-għażla li għamlet. In-nies ma tridx l-istess uċuh li kienu għamlu l-ħajja tagħhom infern qabel l-2013. In-nies lil tar-Repubblika ma tridhomx. Il-poplu ma japprezzax min jagħmel ħsara kontra pajjiżu. PN dan ma jistax jifhmu. Tixgħel in-Net TV u ħlief lil tar-Republika ma tarax. Kollha jgħidulna li l-PL korrott, iżda ma joffru xejn lill-poplu biex ituh tama għal futur aħjar.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *