Il-Pulizija tammetti li l-Każ ta’ Daphne hu ġa ppreġudikat

Is-Sunday Times tal-lum ippubblikat storja oħra relatata mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din id-darba, din l-istorja hija marbuta mal-bomba li qatlet lil din ġurnalista. Din id-darba nsiru nafu ftit dettalji oħra. Fil-verita’ konna ġa nafu ħafna minnhom. Jiġifieri, il-pjan oriġinali kien li tinqatel billi jisparawlha. Dak li tgħidilna ġdid s-Sunday Times huwa li kien ġew provduti tliet rifles biex jintuzaw ħalli tinqatel Daphne Caruana Galizia. Biss l-ebda wieħed minnhom ma kien tajjeb. Wieħed minn dawn ir-rifles kien saħansitra msaddad. B’hekk dan il-proġett kellu jkun abbandunat. Dan id-dettal joħroġ il-mod delettantesk ta’ kif ġie ppjanat dan l-assassinju.

Meta nstab li din ma setgħetx tinqatel b’dawn ir-rifles, il-pjan inbidel u l-qattiela marru għall-bomba. Insiru nafu l-code li ntuża biex permezz ta’ sms tkun attivata’ din il-bomba. Imbagħad insiru nafu min allegatament fornixxa din il-bomba. Dawn huma Robert Agius u Jamie Vella. Insiru nafu li ma’ Robert, hemm anki ħuh Adrian. Is-Sunday Times tagħtina dettal ieħor importanti f’artiklu separat. Daphne Caruana Galizia kienet kitbet kontra wieħed minn dawn in-nies u semmiet l-involviment tiegħu fil-kriminalita’ ġewwa pajjizna.

Fuq kollox, Jamie Vella u Robert Agius aċċettaw li jħallsu 1500 fix-xahar lil Vince Muscat il-Koħħu biex jibqa’ b’ħalqu magħluq dwar min tah il-bomba. Anzi hawn għandna ftit tal-problemi għaliex l-avukat prezenti ta’ Vince Muscat, Marc Sant ikkonferma din l-offerta, waqt li l-avukat li kellu qabel l-istess Vince Muscat, jiġifieri Arthur Azzopardi, qal li ma jaf xejn dwar dawn il-flus għal Vince Muscat.

Quddiem din il-konfuzjoni kollha, is-Sunday Times xorta waħda riedet issemmi lil Yorgen Fenech, allavolja ismu ma deher imkien f’din l-investigazzjoni li huma għamlu. Fi kliem ieħor, ismu ma ssemmix fil-prokura tar-rifles jew tal-bomba. Biss dan l-artiklu tas-Sunday Times xorta semma lil Yorgen Fenech apparti fl-aħħar tal-artiklu. Din id-darba dak li jingħad fuq Yorgen Fenech hu meħud minn dak li qal il-Middleman, jiġifieri, Melvin Theuma, ġewwa l-qorti. Skont is-Sunday Times, Theuma qal li Yorgen Fenech qallu “‘Make sure you send a message to Maksar because that’s where the bomb was made.’ I did not even give it any weight because I don’t know who Maksar is.” Fi kliem ieħor Theuma qed jgħid li Fenech bgħattlu messaġġ biex huwa, Melvin Theuma jibgħat messaġġ lil Maksar. Fl-istess waqt, Theuma jgħid li ma jafx xi tfisser il-kelma Maksar. Skont is-Sunday Times, kien l-avukat ta’ Vince Muscat li staqsa lil Melvin Theuma fil-qorti min hu l-Maksar. Biss Melvin Theuma stqarr li ma jafx minn huma Maksar. Dan hu l-laqam tal-aħwa Robert u Adrian Agius li huma minn Ħaż-Żebbuġ u li skont l-artiklu tal-lum, huma fornixxu din il-bomba. Infakkar li din ix-xhieda ngħatat minn Theuma taħt ġurament. Hu diffiċli biex wieħed jemmen, li persuna li qed tissejjaħ middleman, ma tafx mingħand min ġiet din il-bomba!

Aktar ma naqra aktar inkompli nikkonferma li hawn għandna frame-up kontra Yorgen Fenech. Mela kif bħala mandant jew ko-mandant, Yorgen Fenech, ma jidher imkien fil-prokurament ta’ din il-bomba? Kieku kien jidher x’imkien, ibqgħu żguri li is-Sunday Times kien tperreċ ismu fuq l-ewwel pagna tagħha. Anzi s-Sunday Times tistqarr id-diffikulta’ li għandha l-pulizija f’dan il-każ. Meta l-pulizija ġiet mistoqsija dwar din il-bomba, l-istess pulizija qalet, “We (il-pulizija) also need to be careful about the problem of double jeopardy. But we are determined to get to the bottom of this case.” Mela l-pulizija qed tammetti li jeżisti r-riskju ta’ “double jeopardy”. Interessanti l-kliem użat mill-pulizija. Il-pulizija mhux qed titkellem fuq “jeopardy”, iżda fuq “double jeopardy”.

Il-pulizija qed bil-pulitt tammetti li dan il-każ hu ġa ppreġudikat. Kieku ma kienetx tuża l-kelma “double jeopardy”. Issa hemm ir-riskju li jkompli jiġi aktar ppreġudikat. Il-kelma “jeopardy” tfisser ir-riskju jew periklu li ssir ħsara lill-każ u minħabba din il-ħsara, il-każ kollu jaqa’. Illum l-istess pulizija qed tammetti li hemm periklu doppju li jiġri hekk. Mela permezz ta’ din il-kelma doppju, l-istess pulizija ġa qed tammetti li ġa hemm preġudizzju u jekk titkellem, tkompli iżid dan l-istess preġudizzju!

Leave a Reply