Ursula von der Leyen u l-ipokrezija Ewropea

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, bgħattet tweet biex tonora l-qtil brutali ta’ Daphne Carauana Galizia. Wieħed japprezza li tweets bħal dawn isiru lejn kull ġurnalist li nqatel. Kien hemm ħafna ġurnalisti li nqatlu imma l-Ewropa qatt ma onorathom kif onorat lil Daphne Caruana Galizia. Ħafna minn dawk li nqatlu kienu verament ġurnalisti. Biss meta von der Leyen kitbet li Daphne ddedikat ħajjitha għar-riċerka tal-verita’, hawn ma nistgħax naqbel magħha. Ħafna mill-artikli tagħha kienu attakki fuq in-nies. Artikli personali kontra n-nies. Gideb fuq in-nies. U din hija verita’ oħra li trid tkun imfakkra. Il-gideb tagħha weġġa’ n-nies u ġab ħafna tkissir ta’ familji għal xejn.

Biss dak li jiddispjaċini li l-gideb tagħha għadu jingħad anki wara mewtha. L-attakki fuq in-nies għadhom isiru anki wara mewtha minn dawk li llum huma s-segwaċi tagħha. Ħa nitkellem għalija biss. Matul dawn l-aħħar xhur, jien esperjenzajt ċertu attakki minn din il-free media li von der Leyen qed tgħid li trid tiddefendi. Mhux l-argumenti tiegħi ġew attakkati izda jien personalment. Ġejt attakkat fuq l-istess stil u bl-istess mod li Daphne kienet tattakka n-nies. Il-familja tagħha ma ddejqitx tigdeb fuqi fil-qorti permezz tal-avukat tagħha ħalli abbazi tal-gideb nintbagħat il-ħabs.

U dawn l-attakki diretti u indiretti, inkluz artikli ta’ gideb maħsuba biss biex xi ħadd iwaqqafni milli nkompli nikteb sabu l-appoġġ ta’ din l-istess free media li von der Leyen qed tikteb dwarha u tfaħħarha. Jekk għal von der Leyen, il-gideb, artikli ta’ mibgħeda u ħdura saru valuri Ewropej, allura din l-Ewropa ma tantx għandha ħajja twila quddiemha.

Dak li nixtieq infakkar lil von der Leyen, li din l-inkjesta li għaddejja biex tistabblixxi s-sewwa l-anqas biss indenjat ruħha tistħarreġ l-artikli ta’ ħdura u mibegħda ta’ Daphne Caruana Galizia li wasslu – skont għejdut – biex kien hemm persuni li saħanistra għamlu suwiċidju. B’hekk tweet bħal dan hu biss tweet ta’ ippokrezija politika u xejn aktar.

Leave a Reply